L-Ombudsman

L-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon

 Ombudsman Parlamentari (2023 – )

Imwieled il-Furjana, Malta, fid-19 ta’ Marzu 1956, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon kiseb id-Diploma ta’ Nutar Pubbliku fit-12 ta’ Diċembru 1980 mill-Università ta’ Malta u aktar tard il-Grad ta’ Dottorat fil-Liġi fit-30 ta’ Jannar 1982. B’effett mill-4 ta’ Marzu 1982, huwa ipprattika primarjament fil-qasam tal-litigazzjoni.

Wara li daħal fis-seħħ l-Att tal-1994 dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, huwa nħatar bħala l-ewwel President tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, kariga li żamm għal sitt snin sakemm fl-2001 daħal fis-seħħ l-Att tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (li issostitwixxa l-Att tal-1994). Dwar dan s-suġġett huwa ipparteċipa b’mod attiv u indirizza seminars u konferenzi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna. Sal-2009, kien lecturer u eżaminatur fil-Leġiżlazzjoni tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-Università ta’ Malta fil-Fakultà tal-Liġi u fiċ-Ċentru għall-Istudji tax-Xogħol.

Fl-2001 inħatar bħala l-ewwel Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Trasport, kariga li okkupa għal sena.

Fl-2006 inħatar bħala l-ewwel Chairman tal-Bord tal-Appell dwar l-Għoti ta’ Sejħiet għall-Offerti mill-Kunsilli Lokali, kariga li okkupa sakemm inħatar Imħallef tal-Qrati Superjuri ta’ Malta fit-28 ta’ Jannar 2009.

Bħala Imħallef, serva fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (inkluż dik bħala Qorti tal-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti tal-Appell (fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha), il-Qorti tal-Appell Kriminali (fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha) u b’effett mid-9 ta’ April 2018, kien President tal-Qorti Ċivili (Taqsima Kummerċjali), sakemm fid-19 ta’ Marzu 2021 irtira mill-Qorti malli laħaq l-età tal-irtirar ta’ 65 sena.

Minn meta rtira mill-Qorti sakemm ingħata l-ħatra tiegħu bħala Ombudsman, huwa kien Chairman tal-Malta Maritime Forum. Huwa mexxa għal żmien qasir il-Kumitat għall-Avukati u l-Prokuraturi Legali kif kostitwit bis-saħħa tal-Att dwar il-Professjoni Legali (Riforma) 2021. Kien membru tal-Bord Konsultattiv tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta u Eżaminatur tar-Riorganizzazzjoni u Likwidazzjoni Korporattiva fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università ta’ Malta.