Kummissarju għall-Edukazzjoni

Il-Prim Imħallef Emeritus Vincen A. De Gaetano, Kummissarju għall-Edukazzjoni (2021 – )

Il-Prim Imħallef Emeritus Vincent Anthony De Gaetano irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, fl-Università Rjali ta’ Malta u fl-Università ta’ Cambridge (Gonville and Caius College).  Fl-1979 huwa ngħaqad mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u serva bħala Deputat Avukat Ġenerali mill-1989 sal-1994.

Huwa serva fuq numru ta’ kumitati ta’ esperti fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u kien il-president tal-Kumitat Direzzjonali dwar il-Kooperazzjoni Legali (CDCJ) u chairman tal-Grupp Multidixxiplinarju dwar il-Korruzzjoni (GMC).  Fl-1994 huwa sar imħallef tal-Qrati Superjuri u fl-2002 inħatar bħala Prim Imħallef.  Fl-2010 ġie elett biex iservi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala l-Imħallef fir-rigward ta’ Malta, u serva bħala viċi president tar-Raba’ Sezzjoni u aktar tard bħala president tat-Tielet Sezzjoni ta’ dik il-Qorti.  Huwa irtira mill-Qorti fi Strasburgu f’Settembru 2019 wara li serva mandat sħiħ ta’ disa’ snin.

F’Settembru 1988 huwa kiseb il-warrant ta’ għalliem u kien lettur u aktar tard lettur anzjan fid-Dritt Penali u fil-Proċedura Penali fl-Università ta’ Malta, u membru regolari tal-Fakultà tal-Liġi, mill-1991 sal-2017.   Huwa ta diversi konferenzi u ippubblika artikoli dwar suġġetti legali u materji relatati mad-drittijiet tal-bniedem kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. F‘Marzu 2020 ġie nominat mill-Kamra tal-Avukati biex joqgħod fuq il-Kumitat tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u ġie elett president ta’ dak il-kumitat mill-membri l-oħra. Huwa ħalla din il-kariga wara l-ewwel ħatra tiegħu bħala Kummissarju għall-Edukazzjoni.

F’Jannar 2021, il-Prim Imħallef De Gaetano nħatar bħala Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-kumplament taż-żmien tal-Kummissarju preċedenti, li kien miet fil-kariga f’Novembru 2020. Huwa ġie maħtur mill-ġdid Kummissarju għall-Edukazzjoni għal perjodu ieħor fit-13 ta’ Settembru 2022.

F’Jannar 2022 huwa inħatar membru tal-Bord Xjentifiku tac-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Università Jagellonika ta’ Krakovja. Il-ħatra saret wara li l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati ta l-approvazzjoni tiegħu skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Att dwar l-Ombudsman.

Kuntatt      Email: ceduc@ombudsman.org.mt
Tel: +356 2248 3200