Kummissarju għas-Saħħa

Il-Professur Raymond Galea (2022 – )

Il-Professur Raymond Galea twieled il-Furjana fl-1957. Ġie edukat fil-Kulleġġ San Alwiġi u l-Università ta’ Malta (UM).   Fl-1982 iggradwa bħala tabib mediku u kompla t-taħriġ tiegħu fl-Ostetrija u l-Ġinekoloġija f’Leuven, il-Belġju, u Londra. Huwa sar Membru u eventwalment Fellow tar-Royal College of Obstetricians and Gynecologists fl-1990.

Huwa ħadem bħala konsulent Ostetriku u Ġinekologu fl-Isptar Mater Dei mill-2000 u mill-2012, inħatar bħala Kap tal-Programm Postgradwatorju ta’ Malta fit-Taħriġ Mediku.

Sa mill-1984 il-Professur Galea ħadem fl-UM bħala dimostratur, lettur, lettur anzjan, u finalment bħala professur fl-Ostetrija u l-Ġinekoloġija. Fl-2009 ingħata il-Ph.D., wara li ħadem b’mod estensiv fuq l-Osteoporożi u ippubblika diversi riċerki akkademiċi. Kien membru tas-Senat tal-UM u fuq il-Bord tal-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija. Huwa kien ukoll jifforma parti minn diversi kumitati tal-UM u tal-Fakultà.

Fl-2006 il-Professur Galea kiseb il-warrant ta’ għalliem. Matul is-snin ta lectures u ippubblika dokumenti kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta u kien Visiting Professor fuq il-Bord Akkademiku tal-International Ph.D. fix-Xjenzi Kliniċi fl-Università ta’ Firenze.

Mill-2021 il-Professur Galea kien membru tal-Quality Assurance Committee tal-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata w Ogħla.

Fl-1994 il-Professur Galea waqqaf Organizzazzjoni Mhux Governattiva, il-Malta Osteoporosis Society, sapport għall-pazjent. Huwa ifforma wkoll parti mill-Interest Group dwar l-Osteoporożi tal-Parlament Ewropew.

Kien ukoll membru fundatur tal-Malta Health Network u serva fuq il-Bord tal-Amministratur sa mill-bidu nett fl-2017. Il-Professur Galea kien iċ-Chairman tan-National Cancer Platform, pjattaforma li tiġbor flimkien l-għaqdiet mhux governattivi kollha li jaħdmu fil-qasam tal-kanċer f’Malta.

Huwa membru tal-Ordni Sovran u Militari Ospitaliera ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, ta’ Rodi u ta’ Malta.

Il-Professur Galea huwa miżżewweġ lil Nathalie u għandhom tifla.

Kuntatt      Email: ch@ombudsman.org.mt
Tel: +356 2248 3212