L-għan tal-Uffiċċju tal-Ombudsman

L-għan tal-Uffiċċju tal-Ombudsman hu li:

  • li jħares id-drittijiet tal-individwi kontra amministrazzjoni ħażina, abbuż ta’ poter jew ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem minn awtoritajiet pubbliċi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu;
  • li jistħarreġ u jifforma opinjoni fuq ilmenti mressqa dwar nuqqasijiet fl-amministrazzjoni pubblika;
  • li jippromwovi ġustizzja u ekwita` fl-azzjonijiet amministrattivi li jittieħdu;
  • li jippromwovi titjib fir-relazzjonijiet bejn l-istrumenti tal-gvern fil-livelli kollha, u mal-poplu;
  • li jippromwovi l-funzjoni edukattiva tal-Uffiċċju tal-Ombudsman;
  • li jippromwovi għarfien dwar ir-rwol u l-funzjoni tal-Ombudsman – dritt li persuna jista’ jilmenta huwa dritt miċħud jekk il-persuna ma tafx dwar dan id-dritt;
  • li jidentifika u jagħti parir dwar kif liġijiet u regolamenti jistgħu jiġu mtejjba sabiex ikunu aktar ġusti; u
  • li jwettaq investigazzjonijiet fuq inizjattiva tiegħu stess meta huwa fl-interess pubbliku li dan jsir.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman b’mod strateġiku jara li:

  • li jingħata servizz investigattiv li ma jikkonfrontax, huwa professjonali, imparzjali, indipendenti u ta’ kwalità għolja u li jitwettaq b’effiċjenza;
  • li l-istħarriġ isir b’mod informali;
  • li jifforma opinjonijiet indipendenti u imparzjali, mingħajr biża’ jew favur lejn min iressaq l-ilment jew lejn l-organizzazzjoni.  L-Ombudsman m’huwiex avukat la ta’ min iressaq l-ilment u lanqas tal-awtorita` pubblika konċernata.  Huwa jiddetermina l-fatti tal-każ, jagħmel evalwazzjoni oġġettiva fuq il-merti u fejn meħtieġ jirrakkomanda rimedju xieraq għall-inġustizzja li tkun seħħet;
  • li jagħti parir lill-uffiċjali pubbliċi dwar azzjonijiet li jistgħu jieħdu sabiex jitnaqqsu l-ilmenti dwar nuqqasijiet sistemiċi li jkunu ġew identifikati.