L-esperjenza tal-Bordijiet Interni

Fl-Ombudsplan tas-sena l-oħra, l-Ombudsman kien wera t-tħassib tiegħu dwar ilpossibilità ta’ effetti negattivi li t-twaqqif ta’ bordijiet interni maħluqa biex jinvestigaw ilmenti dwar allegati inġustizzji, seta’ jkollu fuq id-dritt taċ-ċittadin għall-amministrazzjoni pubblika tajba u ġusta.

Dan speċjalment meta l-fatt li dawn il-bordijiet jeħtiġilhom jinvestigaw, kienu jmorru lura fiż-żmien għal diversi snin u meta jkun allegat illi l-inġustizzja twettqet taħt amministrazzjonijiet preċedenti.

L-Ombudsman kien u għadu tal-fehma li ma setax ma jkunx favur kull inizjattiva mill-amministrazzjoni pubblika biex tinvestiga allegazzjonijiet ta’ inġustizzja u fejn meħtieġ, tipprovdi rimedju. Kien però li mill-bidu wera l-preokkupazzjoni tiegħu illi jekk dawn ilbordijiet, li ma kienux awtonomi u indipendenti mill-awtorità li twaqqafhom, ma jaġixxux b’mod trasparenti, skont regoli ċari u ben definiti, applikati uniformament, setgħu birrakkomandazzjonijiet tagħhom, ikunu kawża ta’ inġustizzji għal terzi li ma ressqux jew li ma setgħux iressqu ilmenti quddiemhom.

Sitwazzjonijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati

Jirriżulta bħala fatt, li wara aktar minn sena mit-twaqqif tagħhom u meta dawn il-bordijiet diġà ittrattaw u iddeċidew numru konsiderevoli ta’ ilmenti, setgħu nħolqu sitwazzjonijiet li allegatament ikkawżaw inġustizzji u diskriminazzjoni improprja ma’ terzi. L-Uffiċċju irċieva diversi ilmenti, kemm minn persuni li irrikorrew għal rimedju quddiem xi wieħed minn dawn il-bordijiet, kif ukoll, minn oħrajn li jallegaw li sofrew inġustizzja b’konsegwenza ta’ twettiq tar-rakkomandazzjonijiet mill-amministrazzjoni magħmula minn tali bord.

Hu sewwa li l-Gvern mill-ewwel għamilha ċara, anke jekk b’xi eċċezzjonijiet, illi dawn il-bordijiet ma kellhomx jinvestigaw ilmenti li kienu diġà saru quddiem l-Ombudsman u ġew ittrattati u deċiżi minnu. Minn naħa tiegħu l-Ombudsman mill-bidu ħa l-pożizzjoni li hu ma kienx ser jidħol fil-mertu investigat minn dawn il-bordijiet jekk min ikun ressaq ilment quddiem il-bord kellu l-opportunità li jirrikorri għand l-Ombudsman fi żmien utli iżda dan, għal raġunijiet tiegħu, m’ għamlux.

Mill-banda l-oħra, l-Ombudsman iqis il-proċeduri quddiem dawn il-bordijiet bħala proċessi amministrattivi interni li għandhom jiġu kondotti skont ir-regoli ta’ ġustizzja naturali u l-prinċipji li jirregolaw l-amministrazzjoni pubblika tajba. Hu allura għandu d-dover li, anke meta ma jissindikax il-proċeduri quddiem dawn il-bordijiet interni fil-mertu tal-ilment, jassigura illi l-proċess ikun kondott b’mod korrett u trasparenti, fl-osservanza ta’ regoli bażiċi li jirregolaw smigħ xieraq u ġust. Dan magħdud, l-Ombudsman minn dejjem iddikjara li hu kien preparat li jinvestiga ilmenti minn persuni li ma ressqux ilment quddiem dawn il-bordijiet imma li allegaw li ġew aggravati mit-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom favur terzi. Dan għaliex ikun f’dak il-mument li l-allegata inġustizzja tkun seħħet.

Fl-Ombudsplan tas-sena l-oħra, l-Ombudsman kien wissa li kien essenzjali li fit-twaqqif ta’ dawn l-internal complaints mechanisims jiġu assigurati mhux biss it-trasparenza sħiħa fil-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, imma ukoll li dawn ikunu kondotti skont regoli ċari u definiti li jiggarantixxu liċ-ċittadin li l-ilment tiegħu jkun qed jiġi deċiż b’ekwità u ġustizzja. Dan mhux biss fir-rigward tal-persuna li tkun qed tagħmel l-ilment imma ukoll fir-rigward ta’ persuni oħra li jistgħu jkunu direttament jew indirettament interessati u milquta mid-deċiżjoni tagħhom.

Elementi ta’ prinċipju u proċedura

L-Ombudsman ma jistax ma jinnotax li fil-kors ta’ investigazzjoni minnu ta’ ilmenti firrigward tal-operat ta’ uħud minn dawn il-bordijiet interni, irriżultawlu diversi elementi li jpoġġu fid-dubju t-trasparenza u ċ-ċertezza ta’ regoli ċari ta’ proċedura li jassiguraw level playing field kemm għal dawk li għamlu ilment quddiem il-bord, kif ukoll għal dawk li ma ressqux tali ilment.

Fost dawn l-elementi wieħed jista’ jaċċenna għas-segwenti fil-qosor:

1. Ma jirriżultax li dawn il-bordijiet ingħataw direttivi preċiżi fuq liema kriterji għandhom jeżerċitaw il-ġudizzju tagħhom biex jaslu għall-konvinċiment illi min għamel ilment ikun verament sofra inġustizzja. B’mod partikolari ma jirriżultax li dawn il-bordijiet ingħataw struzzjonijiet biex jiddistingwu bejn każijiet fejn l-ilment ikun dwar policy amministrattiva li tkun kontestata fiha nnfisha jew tkun saħansitra meqjusa inġusta, u ilment li fih ikun qed jiġi allegat illi policy, li tkun korretta u ġusta, tkun ġiet allegatament applikata b’mod improprjament diskriminatorju u inġust filkonfront ta’ complainant.

Din id-distinzjoni hi fundamentali għaliex, filwaqt illi fit-tieni każ, jekk l-ilment jinstab li hu ġustifikat, ir-rimedju biex tiġi korretta l-inġustizzja kellu jingħata fil-konfront biss ta’ min jagħmel l-ilment, fl-ewwel każ, meta allura l-bord ikun wasal għall-konklużjoni illi l-policy amministrattiva kienet fiha nfisha inġusta, kien dover tal-bord illi jinvestiga u jindaga kif dik il-policy affettwat negattivament lil dawk kollha li kienu fl-istess qagħda ta’ min ikun għamel l-ilment.

Meta ma ssirx, kif jidher li ma saritx din id-distinzjoni, jkun hemm riskju kbir li waqt li ssir ġustizzja ma’ min ikun għamel l-ilment, issir inġustizzja konsegwenzjali ma’ min ikun jew kien fl-istess ċirkostanzi tiegħu.

2. Distinzjoni oħra li jidher li mhux qed issir tirrigwarda n-natura tal-inġustizzji li dawn il-bordijet għandhom jinvestigaw. Hekk per eżempju l-fatt li wieħed ma jaqbilx jew ikollu fehma differenti dwar policies amministrattivi jew ta’ management u deployment ta’ riżorsi umani, stabbiliti minn awtorità kompetenti f’eżerċizzju validu ta’ diskrezzjoni lilha mogħtija bil-liġi, mhux neċessarjament jikkwalifika tali policy bħala inġusta jew impropjament diskriminatorja.

Bħala regola, l-eżerċizzju ta’ dik id-diskrezzjoni għandu jiġi rispettat u t-tibdil ta’ policies, stabbiliti u uniformament applikati m’għandux ikollu effett retroattiv. Millbanda l-oħra, jekk jinħass illi policy kienet intrinsikament inġusta, allura kull deċiżjoni b’effett retroattiv biex tiġi radrizzata l-inġustizzja, għandha tapplika għal kull min kien ġie affettwat negattivament minn dik il-policy żbaljata.

F’każijiet bħal dawn tal-aħħar, allura, anke complainants li ressqu ilment quddiem l-Ombudsman u li kellhom l-ilment tagħhom miċħud għaliex il-policy li ħassew li aggravathom kienet meqjusa mill-Ombudsman bħala valida, minkejja riservi li seta’ kellu, għandhom ukoll ikollhom id-dritt li jgawdu mir-rimedju rakkomandat mill-bord.

Essenzjalment dan ifisser illi, policy amministrattiva li l-bord iqis li hi fiha nnfisha inġusta, għandha tiġi mibdula mill-awtorità kompetenti b’mod li kull min kien ġie negattivament affettwat jista’ jgawdi mir-rimedju rakkomandat mill-bord. Mill-banda l-oħra, l-fatt li wieħed ikun ġie negattivament milqut bl-applikazzjoni korretta ta’ policy, validament stabbilità u uniformament applikata, m’ għandux waħdu u fih innifsu u bħala regola, jiġi ikkwalifikat bħala att ta’ amministrazzjoni ħażina, inġusta jew improprjament diskriminatorja.

3. Nuqqas ta’ definizzjoni ċara tal-parametri tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-bordijiet kif ukoll ta’ regoli ċari ta’ proċedura li jorbtu kif u f’liema ċirkostanzi setgħu jitressqu l-ilmenti quddiemhom, jista’ jwassal għal nuqqas ta’ trasparenza. Dan sal-punt li, mhux bla ġustifikazzjoni, jistgħu jqumu dubji li l-ġustizzja tkun qed tiġi amministrata mhux b’mod oġġettiv, bl-applikazzjoni ta’ normi stabbiliti, imma fuq bażi aktar soġġettiva u personalizzata. Tista’ tingħata l-impressjoni illi l-ilment jiġi investigat u deċiż mhux għax oġġettivament tkun irriżultat inġustizzja minn att ta’ amministrazzjoni ħażina, imma għaliex min ilmenta isostni li sofra għaliex ma ngħatax dak li ippretenda li kien intitolat għalih.

Dawn il-bordijiet, anke, jekk mhux qrati jew tribunali, huma strument ta’ amministrazzjoni ta’ ġustizzja amministrattiva. Huma obbligati li jinvestigaw l-ilmenti quddiemhom b’mod oġġettiv u skont kriterji ben stabbiliti u applikabbli għal kulħadd l-istess. Dan anke jekk jeħtiġilhom jiddeliberaw u jiddeċiedu mhux biss a bażi ta’ liġi imma ukoll u forsi aktar, skont il-prinċipji tal-etika u l-ġustizzja.

4. Dan in-nuqqas ta’ trasparenza jista’ iwassal għal sitwazzjonijiet anomali, strambi u mhux faċilment spjegabbli, li jekk jirriżultaw repetuti fuq skala kbira, mhux biss ipoġġu fid-dubju l-validità ta’ dawn il-bordijiet imma ukoll jimminaw l-istess istituzzjoni tal-Ombudsman u ukoll awtoritajiet kostituzzjonali oħra bħall-Kummissjoni dwar l-Impjiegi li tittratta każijiet ta’ diskriminazzjoni politika. Dan ikun ifisser li dak kollu li jkun nbena minn dan l-Uffiċċju b’tant ħidma u attenzjoni f’dawn l-aħħar għoxrin sena, jista’ jisfa fix-xejn jekk iċ-ċittadin jingħata l-impressjoni li jkun aħjar għalih li jfittex rimedju quddiem bord, li għalkemm mhux awtonomu, hu viċin amministrazzjoni differenti minn dik tal-ġurnata. B’hekk iċ-ċittadin ikun qed jiġi inkuraġġit ifittex aktar dak li jaqbillu, milli li jassigura ġustizzja għalih għax hekk ikun ħaqqu.

Eżempji preokkupanti

5. Issir hawn referenza għal ftit eżempji ta’ fatti, li irriżultaw lill-Ombudsman waqt l-investigazzjonijiet li għamel u li fil-fehma tiegħu huma preokkupantia) Waqt li jidher li kien hemm direttivi fir-rigward tal-Ministeri kif u quddiem min għandhom isiru l-ilmenti, irriżultaw każijiet fejn ilment ma jsirx direttament quddiem il-Bord imma jsir quddiem awtorità governattiva u din tirreferihom lill-bord b’istruzzjonijiet li jinvestigah. Dan mhux metodu li jassigura l-awtonomija u l-indipendenza ta’ dawn
il-bordijiet interni.

b) Ma jidhirx li qed jiġu rispettati dejjem it-termini ta’ żmien stabbiliti fiċ-ċirkolarijiet li bihom twaqqfu d-diversi bordijiet fosthom fil-General Orders fil-każ tal-Armata, u f’ċirkolarijiet oħra maħruġa kemm mill-Gvern kif ukoll minn awtoritajiet oħra bħal Bank Ċentrali u entitajiet parastatali. Inizjalment it-terminu ta’ żmien li fih dawn ilbordijiet setgħu jinvestigaw l-ilment jidher li kien wieħed fiss ta’ seba’ snin jew xorta oħra. Terminu li beda kultant f’xi każi jiġi mtawwal minn żmien għal żmien sakemm kopra ż-żmien kollu li fih kien hemm l-amministrazzjoni preċedenti. Irriżulta li issa dan it-terminu ġie ukoll f’xi okkażjonijiet skartat għal kollox. Dan b’mod li dawn ilbordijiet, waslu biex investigaw ilmenti dwar allegati inġustizzji minn fatti li jmorru lura għal bosta deċenni.

Ma jirriżulta minn imkien li hemm xi pronunzjament uffiċjali li bih il-pubbliku ġie informat bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilmenti oltre ż-żmien li kien ġie mgħarraf bih. Dan hu għal kollox skorrett, u bilfors iwassal għal sitwazzjonijiet li jistgħu joħolqu inġustizzja, jekk xejn fir-rigward ta’ dawk kollha li kienu fl-istess ċirkostanzi iżda li ma ressqux ilment għaliex l-aggravju tagħhom kien imur lil hinn fiż-żmien u millkompetenza tal-bord kif uffiċjalment stabbilit.

ċ) Dikjarazzjoni bħal dik li għamel mal-Ombudsman iċ-Chairman tal-Bord tal-Inġustizzji tal-Armata li l-bord tiegħu ġie dirett biex jinvestiga ilment, li ma tressaqx direttament quddiemu, dwar allegata inġustizzja li seħħet fi żmien meta Malta kienet għadha kolonja u l-Armata kienet għadha tifforma parti mill-Forzi Armati Ingliżi, ma tistax, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni uffiċjali tiġi aċċettata. Kif lanqas wieħed jista’ jaċċetta dikjarazzjoni mill-istess Chairman li l-Bord ikkunsidra u iddeċieda ilment dwar fatti li jmorru lura għal tlieta u għoxrin sena, meta l-ġustifikazzjoni kienet sempliċiment illi min għamel l-ilment kien biss issa li ħass li kien sofra inġustizzja.

Dawn huma kollha sitwazzjonijiet li ma jirriflettux l-ordinament ġuridiku amministrattiv tal-pajjiż li jesiġi ċ-ċertezza tad-dritt u ċ-ċertezza ta’ rimedju. Id-dritt fundamentali għall-amministrazzjoni pubblika tajba jrid li kull ċittadin ikun jaf b’ċertezza x’inhuma l-jeddijiet tiegħu u kif, quddiem min u sa meta seta’ jfittex għal rimedju f’każ li dawn jinkisrulu. Hu ukoll prinċipju elementari ta’ dritt illi kull dritt ta’
azzjoni biex wieħed ifittex l-interessi tiegħu quddiem qorti, tribunal jew bord ikun liema jkun, għandu jkun eżawrit meta jgħaddi żmien stabbilit, magħruf lil kulħadd. Nuqqas ta’ trasparenza f’dan ir-rigward ma jistax ma jkollux effett negattiv fuq ilkontabilità ta’ dawn il-proċessi amministrattivi.

7. Wieħed ma jistax ma jinnotax li, aktar ma’ bord jassumi ġurisdizzjoni biex jinvestiga ilmenti dwar fatti li jmorru lura għexieren ta’ snin, aktar issir diffiċli r-riċerka oġġettiva tal-fatti li taw lok għall-ilment u tal-verità. Dan apparti l-fatt li min għamel ilment ta’ din ix-xorta kellu l-opportunità li jressaq l-aggravju tiegħu quddiem diversi mekkaniżmi maħluqa apposta biex jirrimedjaw allegati inġustizzji amministrattivi tul is-snin. Dan minn diversi amministrazzjonijiet differenti, fosthom Kummissjonijiet dwar Inġustizzji maħluqa fil-1987, it-Tribunal dwar l-Inġustizzji imwaqqaf fl-1996 u l-istess Uffiċċju tal-Ombudsman fost oħrajn.

8. Sitwazzjonijiet bħal dawn jiffavorixxu mentalità ta’ opportuniżmu u klijenteliżmu politiku fis-soċjetà. Mentalità retrogroda li tnawwar minn ġewwa l-valuri ta’ trasparenza u kontabilità li huma sisien li fuqhom hu mibni l-jedd fondamentali għallamministrazzjoni pubblika tajba.

Iċ-ċertezza ta’ rimedju

Anke fir-rigward taċ-ċertezza tar-rimedju jidher li hemm nuqqas ta’ kjarezza amministrattiva. Ma jirriżultax li dawn il-bordijiet qed japplikaw regoli ċari u definiti millamministrazzjoni dwar ix-xorta ta’ rimedju li seta’ jingħata f’każ fejn jaslu għall-konklużjoni li l-ilment ikun ġustifikat u li allura l-inġustizzja għandha tiġi rettifikata. Lanqas jirriżulta jekk l-amministrazzjoni nnfisha meta tirċievi r-rakkomandazzjoni u taċċettaha, kinetx qed timplimenta l-istess kejl ta’ rimedju għal każijiet kollha.

Mhux magħruf per eżempju, xi tkun ir-reazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, f’każijiet fejn tiġi rakkomandata promozzjoni, anke arrettrata, f’karigi li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Iċ-ċittadin għandu l-jedd ikun jaf jekk il-kumpens finanzjarju li għalih kien intitolat kellux limitu massimu applikabbli għal kulħadd, jew inkella kellux id-dritt illi jesiġi d-danni kollha li jkun ġie ippruvat li tilef. Minn dejjem kienet il-prattika li dawn l-organi ta’ ġustizzja amministrattiva eċċezzjonali, jkollhom limitu ta’ kumpens finanzjarju li setgħu jirrakkomandaw. Dan għaliex hu maħsub li l-kumpens mogħti jkun ħlas mill-Istat exgratia għall-inġustizzja li l-persuna tkun batiet u mhux riżarċiment sħiħ tad-danni li tkun sofriet. Kien għalhekk li l-Kummissjonijiet għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, li twaqqfu
fil-1987, amministrattivament kellhom limitu ta’ LM 5000 li setgħu jirrakkomandaw bħala danni. Fil-każ tat-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, li d-deċiżjonijiet tiegħu kien jorbtu lill-Gvern, dan, f’każ illi jilqa’ t-talba ta’ min instab li sofra inġustizzja, seta’ biss jagħti kumpens f’ammont li ma jeċċedix is-somma ta’ €11,646.87.

Iċ-ċittadin għandu dritt ikun informat jekk direttivi simili ġewx mogħtija lill-bordijiet kollha, jew humiex applikati uniformament, u dan biex ikun jista’ adegwatament jipproteġi l-interessi tiegħu. Naturalment, fin-nuqqas ta’ politika ċara f’dan ir-rigward, tista’ tinħoloq inġustizzja ma’ persuni oħra, fosthom dawk li kienu tul is-snin fl-istess sitwazzjoni bħal ta’ dawk li issa qed jitolbu rimedju, u li kellhom l-ilment tagħhom milqugħ minn awtoritajiet oħra preċedenti iżda dan b’limitu fuq l-ammont ta’ kumpens li setgħu jillikwidaw.

L-Ombudsman mhux qed ipoġġi fid-dubju l-integrità u l-ġudizzju tal-membri ta’ dawn ilbordijiet.
Huwa minnu li waqt li uħud minnhom ikkooperaw minnufih ma’ dan l-Uffiċċju fl-għoti ta’ informazzjoni, mhux l-istess jista’ jingħad għal oħrajn li kienu ferm riluttanti li jagħmlu dan. Inizjalment, anke ikkontestaw b’mod għal kollox illegali, illi l-Ombudsman m’għandu ebda ġurisdizzjoni fuq l-operat tagħhom. Eventwalment però kulħadd spiċċa biex ikkoopera ma’ dan l-Uffiċċju. Wieħed jifhem li dan seħħ fl-għarfien tal-fatt illi dawn il-bordijiet huma parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika. Fl-aħħar mill-aħħar l-interess tal-Ombudsman huwa biss illi jipproteġi liċ-ċittadin bir-riċerka tal-verità u dan għandu jkun l-istess objettiv ta’ dawn il-bordijiet.

Meta hu mekkaniżmu validu

L-Ombudsman hu tal-fehma illi bordijiet ta’ din ix-xorta anke kif twaqqfu jistgħu f’xi każi ikunu strument utli għall-ġustizzja amministrattiva, jibqgħu żgur validi bħala mekkaniżmu intern għal investigazzjoni ta’ ilmenti li jsiru kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-istess amministrazzjoni li allegatament tkun ikkaġunat l-inġustizzja. L-esperjenza ta’ dawn l-aħħar tletin sena però uriet li meta jiġu mwaqqfa bordijiet prinċipalment biex jinvestigaw ilmenti kontra l-aġir ta’ amministrazzjoni preċedenti u b’mod partikolari meta dan isir dwar fatti li seħħew fuq medda ta’ snin, l-operat tagħhom ma jkunx daqstant effettiv u affidabbli. Dan prinċipalment għaliex is-soċjetà b’mod ġenerali ma tkunx fiduċjuża illi l-ġustizzja amministrattiva tkun qed issir u tkun tidher li qed issir b’mod għal kollox oġġettiv, indipendenti u imparzjali. Tibqa’ dejjem il-kontestazzjoni illi t-twaqqif ta’ dawn il-bordijiet ikun sar aktar bħala espedjent politiku milli għax verament kien hemm ilħtieġa ta’ mekkaniżmu ieħor ġdid biex iċ-ċittadin, li jħossu aggravat minn deċiżjoni talamministrazzjoni pubblika, jitlob rimedju. Dan b’mod partikolari wara li twaqqaf l-Uffiċċju tal-Ombudsman b’deċiżjoni unanima tal-Parlament fl-1995.

Min verament iħossu aggravat minn azzjoni inġusta tal-amministrazzjoni pubblika hu mistenni li, bħala regola jirreaġixxi fil-pront quddiem l-awtoritajiet kompetenti biex jitlob il-jeddijiet tiegħu. Għandu jiġi rikkonoxxut li r-regoli ta’ smigħ xieraq u ġust jeħtieġ li jiġu assigurati mhux biss lill-individwu li allega li sofra inġustizzja iżda ukoll lill-amministrazzjoni li tkun ħadet azzjoni li dwarha jkun qed jilmenta. L-amministrazzjoni ukoll għandu jkollha l-opportunità li tiddefendi l-aġir tagħha u tiġġustifika l-azzjoni jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħha. Dan id-dritt la qed jiġi assigurat mill-bordijiet tal-lum u lanqas mill-bordijiet oħra tal-istess xorta fil-passat.

Il-Parlament unanimament waqqaf l-istituzzjoni tal-Ombudsman proprju biex jevita li jinħolqu sitwazzjonijiet bħal dawn. Ried jassigura trasparenza fil-mod kif jiġu investigati allegazzjonijiet kontra l-amministrazzjoni pubblika, minn istituzzjoni awtonoma, għal kollox imparzjali u indipendenti. Sfortunatament dan ma seħħx mhux biss wara li nbidlet l-amministrazzjoni fl-aħħar elezzjoni, iżda lanqas ma seħħ meta nbidlu amministrazzjonijiet preċedenti. Lanqas ma jidher li ser iseħħ meta jerġa jkun hemm bidla fl-Amministrazzjoni. Dan għaliex il-partit fl-Oppożizzjoni diġà iddikjara li beda jirċievi ilmenti minn persuni li allegatament sofrew inġustizzji mill-amministrazzjoni preżenti, bil-wegħda li dawn jiġu investigati meta jkun hemm tibdil fil-Gvern.

Dan fil-fehma tal-Ombudsman, għalkemm jista’ jkun politikament konvenjenti, hu għal kollox żbaljat għax jindika li tista’ tkun perpetwata sistema ħażina li tiffavorixxi li ċ-ċittadin ifittex il-ġustizzja a bażi ta’ klijenteliżmu politiku. Għal kuntrarju hu għandu jiġi inkuraġġit li jirrikorri, fiż-żmien utli, quddiem l-istituzzjonijiet imparzjali u indipendenti mwaqqfa bil-Kostituzzjoni u l-liġijiet tal-pajjiż, inklużi l-qrati, t-tribunali amministrattivi u l-Ombudsman, li jiggarantixxu smigħ xieraq u ġustizzja oġġettiva f’ħinha u f’waqtha.

Rakkomandazzjoni

L-Ombudsman allura ma jistax ma jirrakkomandax bil-qawwa li l-Kamra tad-Deputati, fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, tesplora l-possibbiltà li l-forzi politiċi jaslu fi ftehim li jeskludi l-ħtieġa li jitwaqqfu bordijiet ta’ din ix-xorta kull meta tinbidel amministrazzjoni.

Għandhom għall-kuntrarju jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ l-istituzzjoni tal-Ombudsman u jitjiebu u jitħaffu l-proċeduri quddiem il-qrati amministrattivi biex b’hekk iċ-ċittadin jiġi inkuraġġit ifittex rimedju għal inġustizzja, fi żmien utili quddiem dawn l-awtoritajiet.