Diskors tal-Ombudsman, waqt it-tnedija tal-ktieb ‘Serving People and Parliament – The Ombudsman Institution in Malta, 1995 – 2020’

Diskors tal-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud fl-okkażjoni tat-tnedija tal-ktieb ‘Serving People and Parliament – The Ombudsman Institution in Malta, 1995 – 2020’ b’kommemorazzjoni tal-25 Anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman – Il-Palazz San Anton


Eċċellenza, l-Onor Mr Speaker, Sur Sammut, Sur Imħallef, Kummissarji, kollegi u mistednin,

Iltqajna llum biex infakkru l-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-1995. Dak iż-żmien kienu għaddejjin inizjattivi kostituzzjonali u amministrattivi li saħħew il-kontabilità tal-uffiċjali tal-istat. Attrezzaw il-Parlament biex jaqdi aħjar id-dmirijiet leġiżlattivi u ta’ skrutinju amministrattiv. Saħħew id-drittijiet taċ-ċittadin fir-rigward tal-Istat.

L-ewwel pjanijiet għall-anniversarju ħasbu f’sensiela ta’ attivitajiet matul is-sena kollha: uħud minnhom kellhom jitħassru minħabba l-imxija. Żammejna tnejn: iż-żjara tal-President ta’ Malta fl-uffiċċju tagħna, u l-publikazzjoni tal-ktieb li għalih inġbarna hawn illum.

Iż-żjara tal-President seħħet ħmistax ilu: f’isem sħabi, inrodd ħajr lill-E.T. Dr George Vella ta’ dan is-sinjal qawwi ta’ apprezzament u appoġġ, f’isem l-Istat, għax-xogħol li jsir mill-Uffiċċju tal-Ombudsman. Inrodd ħajr lill-President ukoll talli għoġbu jilqagħna hawn fil-Palazz ta’ San Anton biex inniedu l-ktieb Serving People and Parliament.

Il-ktieb jirrakkonta l-istorja tal-Uffiċċju fl-isfond tal-iżviluppi kostituzzjonali, amministrattivi u soċjali li seħħew f’Malta matul l-aħħar kwart ta’ seklu. Ma xtaqtx li jkun biss souvenir tal-anniversarju: xtaqt li, permezz tar-riċerka u r-riflessjonijiet li nġabru fih, issir analiżi fil-fond tal-missjoni tal-Ombudsman kif żviluppat minn mindu twaqqaf l-Uffiċċju, u fejn tista’ twassal fis-snin li ġejjin. Jinstemgħu diversi ilħna mill-paġni tal-ktieb, fosthom tiegħi u tal-predeċessuri tiegħi, tal-iSpeaker u ta’ xi deputati parlamentari, kif ukoll l-analiżi tal-editur. L-isfond ta’ dan id-diskors kollu hu l-ilmenti ta’ Maltin u barranin li dehrilhom li xi parti mill-amministrazzjoni pubblika naqsithom għal raġuni jew oħra.

Fuq il-qoxra tal-ktieb tidher il-gardjola tal-Ponta tal-Isla tħares fuq il-Port il-Kbir lejn il-Belt Valletta. Ix-xbieha tiġbor fiha l-qofol tal-missjoni afdata ‘l-Uffiċċju tiegħi mill-Parlament, jiġifieri, li l-Ombudsman jħares id-dritt għal amministrazzjoni tajba ta’ kull min jgħammar f’pajjiżna, mingħajr ebda distinzjoni. B’widnejh jisma’ l-ilmenti tan-nies fil-konfront tal-amministrazzjoni pubblika; b’għajnejh jixref fuq l-istituzzjonijiet governattivi bil-għan li jagħraf difetti fis-sistemi amministrattivi, jew attitudnijiet lejn l-awtorità, il-liġi u ċ-ċittadin li jistgħu jnaqqsu l-kwalità tas-servizzi pubbliċi li jingħataw lin-nies.

Ċertament, għalkemm għassies, l-Ombudsman mhux għadu tal-amministrazzjoni pubblika: għall-kuntrarju, sa mit-twaqqif tiegħu, l-Uffiċċju fittex li jrawwem spirtu ta’ koperazzjoni u ta’ rispett reċiproku bejnu u l-entitajiet governattivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ombudsman. Mhux dejjem naqblu, u kultant insibu reżistenza għar-rakkomandazzjonijiet li ngħamlu wara stħarriġ bir-reqqa, imma napprezza l-koperazzjoni u l-attenzjoni li, aktar iva milli le, l-amministrazzjoni tagħti lili u lil sħabi. 

Bħal dik it-tajra mnaqqxa fuq il-gardjola tal-Ponta tal-Isla, l-Ombudsman jħares fil-bogħod, lil hinn mill-kurrenti u l-kontroversji politiċi. Għalhekk, kemm jien kif ukoll il-predeċessuri tiegħi ħassejna d-dmir li noffru ta’ kull sena, riflessjonijiet, ideat, pariri u proposti dwar il-governanza lill-Parlament, permezz tar-rapport annwali kif ukoll rapporti u studji oħra. Filwaqt li napprezza r-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn l-Ombudsman u l-Parlament, nixtieq li nitkellmu aktar ta’ spiss u aktar fit-tul dwar l-amministrazzjoni pubblika u l-governanza, bis-sehem sħiħ ukoll tal-kapijiet tas-Servizz Pubbliku u ta’ korpi u awtoritajiet oħrajn.

Din ix-xewqa mqanqla minn għarfien li, fi żminijietna, l-integrità tal-governanza u l-effettività tal-amministrazzjoni saru sfidi kbar għal kull pajjiż. Huma l-mezzi ewlenin li bihom Stat iwieġeb għall-iżviluppi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, teknoloġiċi u kulturali tas-seklu wieħed u għoxrin. Minbarra l-element tekniku/xjentifiku, dawn huma sfidi u żviluppi li jqajmu mistoqsijiet dwar id-dinjità tal-bniedem u l-ġid tas-soċjetà.  Mill-ilmenti li jistħarreġ, l-Ombudsman jaf tajjeb il-konsegwenzi kultant qawwijin li jista’ ikollhom nuqqasijiet fil-governanza u l-amministrazzjoni fuq in-nies.

Quddiem l-isfidi ta’ żminijietna, l-arti tat-tmexxijia politika trid taħdem id f’id max-xjenza u t-teknika. Hawn jidħlu l-hekk-imsejħin ‘uffiċjali tal-Parlament’, fosthom l-Ombudsman u l-Kummissarji fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu. L-investigazzjonijiet tal-Ombudsman, bħal dawk tal-Awditur Ġenerali, jistgħu jgħinu lill-Parlament, lill-Gvern tal-ġurnata, u lill-amministrazzjoni pubblika jgħarfu aħjar difetti u nuqqasijiet f’sistemi, proċessi, organiżżazzjoni u tmexxija maniġerjali. Xi kwalifiki għandna? Minn banda, l-Uffiċċju tal-Ombudsman kiseb esperjenza amministrattiva wiesgħa matul is-snin; mill-banda l-oħra, l-Uffiċċju jqiegħed fl-ewwel post in-nies li jużaw is-servizzi pubbliċi. 

Fi żmienna, bosta servizzi essenzjali qed jingħataw minn ażjendi privati taħt is-sorveljanza ta’ awtoritajiet regolatorji, iżda l-mekkaniżmi biex jinstemgħu ilmenti tal-klijenti m’għandhomx is-setgħat u l-awtonomija li għandu l-Ombudsman. Minbarra dan, nies li mhumiex ċittadini mhux dejjem igawdu mill-ħarsien sħiħ tal-liġijiet u l-aġenziji governattivi ta’ Malta. Għal raġunijiet soċjali u kulturali, uħud minnhom lanqas ma jkunu jafu bl-għajnuna u r-rimedji li joffru istituzzjonijiet bħall-Ombudsman. Għalhekk, donnu wasal iż-żmien li tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni tal-Ombudsman, bil-għan li jinkludi kull servizz meqjuż ‘essenzjali’; din hija materja għall-Parlament. Min-naħa tiegħi, ikun tajjeb li jitjiebu l-programmi ta’ outreach biex l-Ombudsman ikun magħruf aħjar u aktar aċċessibbli għan-nies l-aktar emarġinati.

   Sinjuri, kemm ilu li twaqqaf, l-Uffiċċju tiegħi ħadem bis-sħiħ b’riżq in-nies, fi spirtu ta’ lejaltà lejn l-Istat. Kiseb il-fiduċja tal-poplu u tal-Parlament. L-istima li jgawdi l-Ombudsman ta’ Malta fost il-fraternità internazzjonali tal-Ombudsmen jikseb ġieħ għar-Republika tagħna. Filwaqt li nsellem lill-predeċessuri tiegħi, lil sħabi u kollegi, nawgura li l-Uffiċċju jibqa’ tarka għaċ-ċittadin, u għassies tal-kuxjenza ta’ kull min jeżerċita kariga pubblika jew jipprovdi servizzi essenzjali f’isem l-Istat. 

 

 

Uncategorized