Diskors tal-Prof Edward Warrington, Editur tal-ktieb ‘Serving People and Parliament – The Ombudsman Institution in Malta, 1995 – 2020’ b’kommemorazzjoni tal-25 Anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman – Il-Palazz San Anton
Eċċellenza, Sur Mifsud, Sinjuri,
Grazzi talli stedintuni ngħid kelmtejn dwar Serving People and Parliament. Għalija huwa unur doppju, l-ewwel għaliex kittieb jew editur dejjem jieħu gost jara x-xogħol tiegħu u ta’ ħaddieħor stampat u lest għall-qarrejja; it-tieni, għaliex il-ktieb jirrappreżenta pass ieħor fl-istudju tal-istituzzjonijiet ta’ Malta.
Matul iż-żmien li Malta ilha stat indipendenti seħħew bosta żviluppi fl-istituzzjonijiet tal-iStat, imma qajla studjajnihom. Wieħed, wieħed, tul l-aħħar għoxrin sena bdew ħerġin studju legali, istituzzjonali u awtobijografiċi. Ta’ min jinnota l-istorja tal-Parlament ikkummissjonat minn Mr Speaker innifsu, li kiteb il-Prof. Godfrey Pirotta fl-2006. Hemm ukoll iż-żewġ edizzjonijiet tal-istorja tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li ħarġu fis-sena 2001 u 2014, miktubin minni u Godfrey. Kien imiss issa studju dwar l-Ombudsman, l-ewwel Uffiċjal tal-Parlament li nħatar f’pajjiżna, sewwa sew meta l-Parlament waqqaf l-ewwel Kumitati Permanenti biex jiskrutinja aħjar il-politika (policies), l-abbozzi tal-liġijiet u l-amministrazzjoni. Fil-fatt, dan ix-xahar ħareġ studju ieħor dwar l-Ombudsman, xogħol Dr Ivan Mifsud, Dekan tal-Fakultà tal-Liġi.
Bħala wieħed li jistudja l-governanza, nieħu gost nara karigi statali għoljin bħall-iSpeaker, l-Ombudsman u l-Awditur Ġenerali jikkummissjonaw studji ta’ din ix-xorta. Nittama li x-xogħol akkademiku jgħin biex jissaħħaħ il-ħsieb u d-diskors ta’ dawk li jġorru r-responsabbiltà għall-kura u l-iżvilupp tal-iStat Malti.
X’inhu l-ħsieb wara Serving People and Parliament? Kif sar l-istudju? X’joħroġ mill-istħarriġ u l-kitba?
Kif għadu kemm qal is-Sur Mifsud, il-ktieb kien maħsub biex ifakkar anniversarju importanti għall-Uffiċċju tal-Ombudsman u għal Malta. L-għan tiegħu u tiegħi kien li jsir studju dwar kif żviluppa l-Uffiċċju, liema fatturi influwenzaw it-tifsila u l-iżvilupp tal-istituzzjoni, u kif qeda u qiegħed jaqdi l-missjoni afdata f’idejh. Għalhekk, il-ktieb imqassam f’żewġ partijiet distinti imma komplimentari; kull parti tikkonsisti f’erba’ kapitli.
L-ewwel parti tiġbor il-ħsibijiet tat-tliet sinjuri li okkupaw il-kariga ta’ Ombudsman sa issa: is-Sur Sammut, il-Prim Imħallef Emeritu Said Pullicino, u s-Sur Mifsud. Kienu huma li kitbu l-kapitli. Fihom jirrakkontaw kif ħadmu matul is-snin li kienu fil-kariga, kif interpretaw il-missjoni statutorja tal-Uffiċċju, dak li għen jew fixkel lill-Ombudsman, u kif jixtiequ li tiżviluppa l-istituzzjoni. Kull wieħed għandu leħen distintiv: is-Sur Sammut jitkellem mill-esperjenza vasta fit-tmexxija tas-servizz pubbliku; l-Imħallef jisħaq fuq id-dritt fundamentali għall-amministrazzjoni tajba; is-Sur Mifsud iwassal il-perspettiva ta’ xi ħadd li kien ukoll Awditur Ġenerali u jagħraf il-kumplimentarjetà bejn dik il-kariga u l-Ombudsman.
Dak li jirrakkontaw u jipproponu t-tliet Ombudsmen offra qafas għat-tieni parti tal-ktieb, li hu xogħoli.
Għalhekk, fil-ħames kapitlu stħarriġt l-istorja ta’ kif infirxet madwar id-dinja l-istituzzjoni tal-Ombudsman u kif waslet l-idea Malta. Is-sitt kapitlu janaliżża il-mudell istituzzjonali li addotta l-Parlament meta waqqaf l-Ombudsman. Is-seba’ kapitlu jħares lejn ir-rabta bejn l-Ombudman u n-nies li jfittxu l-għajnuna tiegħu. Hawn tidħol ukoll ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju u d-dipartimenti, awtoritajiet u aġenziji li huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu. L-aħħar kapitlu jistudja r-relazzjoni bejn l-Ombudsman u l-Parlament, relazzjoni kemmxejn żbilanċjata, għaliex waqt li, minn banda, l-Parlament jaħdem b’attenzjoni kbira fuq il-liġi dwar l-Uffiċċju u jagħżel bir-reqqa l-kandidati għall-kariga, mill-banda l-oħra kważi qatt ma jiddiskuti r-rapporti tal-Ombudsman, għall-kuntrarju ta’ dak li jagħmel bir-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Kemm fis-seba’ kif ukoll fit-tmien kapitlu, ħarist lejn il-ġejjieni.
Jidher ċar mill-istħarriġ li l-Ombudsman ta’ Malta għadda minn tliet stadji ta’ żvilupp. Fl-ewwel stadju, fis-sena 1995, twaqqfet l-istituzzjoni, b’liġi, struttura u proċeduri mfasslin fuq l-aqwa mudell ta’ dak iż-żmien. Minnufih beda t-tieni stadju, fejn l-Ombudsman rebaħ il-fiduċja tal-pubbliku u l-koperazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika. Wara l-ewwel għaxar snin, beda t-tielet stadju, bir-rikonoxximent tal-Ombudsman bħala kariga kostituzzjonali u l-konsolidament ta’ karigi b’funzjoni tixbaħ lil tal-Ombudsman: dawn inġabru taħt l-Uffiċċju bit-titlu ta’ Kummissarji. F’dan l-istadju, naraw l-addattament tal-mudell oriġinali għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżna.
L-istorja tal-Ombudsman toffru tagħlimiet importanti dwar l-iżvilupp istituzzjonali, b’relevanza speċjali fi żmien meta għaddej diskors miftuħ u wiesgħa dwar riformi kostituzzjonali. Fl-Ombudsman għandna eżempju tajjeb ta’ istituzzjoni ispirata minn mudell barrani imma addattata għaċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna. Ta’ min isemmi wkoll il-valur ta’ kunsens politiku fit-tfassil tal-istituzzjoni u l-ħatra tal-kandidati. Dan isaħħaħ il-leġittimità ta’ istituzzjoni; jgħinha tirbaħ il-fiduċja tal-poplu u l-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet oħra.
Għalkemm l-ewwel proposta biex jitwaqqaf l-Ombudsman saret fl-1971, għadda kważi kwart ta’ seklu qabel ma għaddiet il-liġi. Faċli ngħidu li dan id-dewmien kien ġej minn nuqqas ta’ rieda tajba mill-politiċi. Iżda l-istudjużi tal-governanza jafu li l-iżvilupp istituzzjonali jseħħ f’dawk li nsejħulhom ‘constitution-making moments’, meta għadd ta’ fatturi jikkonverġu u joħolqu ambjent tajjeb biex jinbtu idejat u inizjattivi ta’ ċerta portata.
Kulħadd donnu jaqbel li Malta waslet għal stadju ieħor ta’ żvilupp istituzzjonali. Bejn l-1964 u l-bidu tas-snin disgħin, kien meħtieġ li jinbena Stat b’saħħtu u effiċjenti. Bejn l-aħħar snin tas-seklu għoxrin u s-sena 2015, il-priorità kienet li jissaħħew id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Fi żmienna, il-kwalità tal-governanza saret il-priorità l-aktar urġenti u l-aktar importanti għall-ġejjieni. Hija din li tikkonsolida l-effiċjenza tal-iStat, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, kif ukoll id-drittijiet fundamentali ta’ popolazzjoni li m’għadiex etnikament u kulturalment omoġena. L-Ombudsman huwa mudell tajjeb ta’ tifsila istituzzjonali li tassigura l-governanza tajba. Għalhekk, nawgura li t-tagħrif u t-tagħlimiet li hemm miġbura f’dan il-ktieb jispiraw lilek, Eċċellenza, u lil dawk kollha li miegħek iġorru r-responsabbiltà għar-Repubblika u għall-poplu.
Uncategorized @mt