Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit David Pace beda serje ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet non-governattivi (NGOs) li fil-funzjoni tagħhom għandhom interess fl-ambjent u l-ippjanar.
L-għan ta’ din l-inizjattiva hi li tindirizza diffikultajiet li dawn l-għaqdiet jista’ jkollhom f’dan il-qasam u biex jiġu diskussi ideat għal titjib fl-amministrazzjoni pubblika fuq materji relatati mal-ambjent u l-ippjanar. Il-Kummissarju se jibda jżomm dawn il-laqgħat b’mod regolari u qed jistieden lil dawn l-għaqdiet biex iressqu quddiemu proposti li hu jista’ jippromwovi u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwarhom lill-amministrazzjoni.
Għaqdiet li huma interessati jieħdu sehem f’din l-inizjattiva jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq cep@ombudsman.org.mt jew iċemplu fuq 22483219.

