Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jħeġġeġ lill-partijiet sabiex jsibu soluzzjoni għan-nuqqas ta’ qbil fl-MCAST

L-Uffiċċju tal-Ombudsman, permezz tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni, jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li hemm bħalissa fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) b’rabta mal-assessjar tal-istudenti u l-eżamijiet finali fid-dawl tat-tilwim industrijali attwali bejn il-Kulleġġ u l-MUT.

Is-sitwazzjoni attwali hija riżultat ta’ direttivi, maħruġa mill-union rikonoxxuta fil-Kulleġġ, li jinkludu n-nuqqas ta’ ħruġ tal-marki ta’ valutazzjoni, ir-rifjut ta’ inviġilazzjoni fl-eżamijiet u l-parteċipazzjoni fil-vivas.

Dan wassal biex studenti, inklużi studenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom, tħallew kompletament fil-limbu dwar l-avvanz tagħhom u l-possibbiltà ta’ aktar studji. Mill-informazzjoni disponibbli, kważi 8,000 student ġew affettwati b’xi mod jew ieħor.

L-Uffiċċju tal-Ombudsman jirrikonoxxi d-dritt fundamentali tal-edukaturi li jwettqu azzjoni industrijali bħala mezz sabiex jesprimu l-ilmenti leġittimi tagħhom u biex ifittxu soluzzjoni ġusta għalihom. Madankollu, dan għandu jsir b’mod li jikkawża l-inqas ħsara lil terzi persuni, f’dan il-każ l-istudenti, li għandhom ukoll id-dritt li jkunu jafu, mingħajr dewmien jew dewmien bla bżonn, ir-riżultat tal-istudji tagħhom miksub tul is-sena akkademika. Iż-żewġ partijiet għandhom joqogħdu lura milli jużaw il-qagħda prekarja tal-istudenti biex jagħmlu pressjoni indebita. Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet m’għandhomx ikunu intransiġenti.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jappella liż-żewġ naħat f’din il-kwistjoni biex jidħlu fi djalogu miftuħ u kostruttiv biex isolvu t-tilwima industrijali attwali, filwaqt li jżommu f’moħħhom li kemm l-edukaturi kif ukoll il-Kulleġġ qegħdin hemm biex jipprovdu servizz fundamentali lis-soċjetà – l-edukazzjoni taż-żgħażagħ.

Stqarrijiet