Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni jipproponi taħdidiet dwar l-Ombudsman u l-Governanza Tajba għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Prim Imħallef Emeritus Vincent De Gaetano, indirizza laqgħa tal-Kapijiet tal-Iskejjel tal-Knisja organizzata mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Il-Kummissarju kien mistieden jippreżenta inizjattiva ta’ outreach mill-Uffiċċju tal-Ombudsman li tisħaq dwar l-importanza li ż-żgħażagħ tagħna jeħtieġ illi nnisslu fihom u inkabbrulhom l-għarfien ċiviku. Proprju fid-dawl ta’ din l-inizjattiva, l-Uffiċċju qed jippjana li jorganizza taħditiet interattivi għall-istudenti li jinsabu fil-Year 10, 11, u fis-Sixth Form bil-għan li jtejbu l-fehim tagħhom tal-governanza u r-responsabbiltajiet ċiviċi.

It-taħdidiet se jipprovdu ħarsa ġenerali lejn ir-rwol u l-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman. Il-mira ewlenija tkun fuq ir-rwol tal-Ombudsman bħala medjatur bejn il-pubbliku u l-istituzzjonijiet pubbliċi, dawn is-sessjonijiet huma mfassla biex jispjegaw il-kontribut tal-Ombudsman biex jippromwovi l-ekwità u l-ġustizzja fl-amministrazzjoni pubblika.

Barra minn hekk, it-taħditiet se jispjegaw is-servizzi offruti mill-Uffiċċju tal-Ombudsman, li jagħtu għarfien dwar il-proċess investigattiv u l-interazzjoni tal-Ombudsman mal-Parlament.

L-Amministrazzjoni Pubblika u d-Dritt għal Amministrazzjoni Tajba huma punti ewlenin u kruċjali f’dawn it-taħditiet. Dan jinkludi fost affarijiet oħra li l-istudenti jsiru konxji tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, l-importanza illi  s-settur pubbliku ikun wieħed trasparenti u responsabbli, u dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-valuri demokratiċi u l-governanza effiċjenti.

Stqarrijiet