Il-Kummissarju Għoli Brittanniku għal Malta, E.T. Catherine Ward, għamlet żjara fl-Uffiċċju tal-Ombudsman. L-għan ta’ din iż-żjara tagħha kienet sabiex ikollha diskussjonijiet kostruttivi mal-Ombudsman u tikseb għarfien dwar ix-xogħol u l-isforzi tiegħu biex ittejjeb l-amministrazzjoni pubblika u titrawwem relazzjoni eqreb man-nies.
L-Ombudsman, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, tkellem dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-istituzzjoni u spjega l-passi li qed jittieħdu biex dawn jiġu indirizzati u possibbilment solvuti. L-Ombudsman saħaq dwar l-importanza li l-istituzzjoni tkun aktar qrib in-nies u tintlaħaq, speċjalment lejn dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta għandu rwol vitali li jissalvagwardja l-governanza tajba u jiżgura l-kontabiltà tal-amministrazzjoni pubblika. L-Att dwar l-Ombudsman f’Malta huwa ispirat mill-mudell Brittaniku u mil-Liġi tal-Ombudsmen ta’ New Zealand, u għandu sisien komuni ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra tal-Commonwealth, u jinsab miftuħ għal kooperazzjoni akbar biex jiġu indirizzati l-isfidi amministrattivi.
L-iskambju ta’ esperjenzi u l-aħjar prattiċi ma’ nazzjonijiet oħra li għandhom qafas legali u sistemi parlamentari simili għandhom potenzjal li jkunu ta’ benefiċċju u tkabbir reċiproku. L-Ombudsman wera x-xewqa tiegħu li jfittex kollaborazzjoni ma’ uffiċċji oħra tal-Ombudsman fil-pajjiżi tal-Commonwealth. Huwa esprima wkoll l-opinjoni tiegħu li l-uffiċċji tal-Ombudsman fil-pajjiżi tal-Commonwealth għandhom jorganizzaw ruħhom, possibbilment fuq mudelli oħra ta’ suċċess bħall-Assoċjazzjoni tal-Ombudsman tal-Mediterran u n-Network Ewropew tal-Ombudsman.
Matul iż-żjara tagħha, il-Kummissarju Għoli Brittaniku ltaqgħet ukoll mal-Kummissarji speċjalizzati fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-membri kollha tal-istaff.
Filwaqt li il-Kummissarju Għoli Brittaniku faħħret lill-Ombudsman u lit-tim tiegħu għall-impenn bla waqfien tagħhom biex jaqdu lill-pubbliku u jħarsu l-prinċipji ta’ governanza tajba, esprimiet gratitudni għall-ħidma imprezzabbli tagħhom fit-titjib tal-amministrazzjoni pubblika.