Il-policy tal-Gvern dwar trasferiment ta’ Uffiċjali Pubbliċi residenti Għawdxin li jaħdmu Malta u jixtiequ jaħdmu Għawdex

L-ilment

Impjegat residenti Għawdxi fi grad dipartimentali fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi li kien jaħdem f’Malta lmenta li kollegi fl-istess grad tiegħu, li bħalu kienu jaħdmu Malta ngħataw transfer għal Għawdex fuq bażi umanitarja irrispettivament mis-seniority tagħhom, wara li sempliċiment issottomettew ċertifikat mediku.  B’riżultat ta’ dan, it-trasferiment tiegħu għal Għawdex qed jittardja aktar milli suppost.

L-investigazzjoni

L-Ombudsman ikkonferma li tul l-aħħar snin, tmien Uffiċjali Pubbliċi Għawdxin fl-istess grad tal-complainant ngħataw transfer temporanju minn Malta għal Għawdex wara li ssottomettew ċertifikat mediku u mingħajr kunsiderazzjoni tas-seniority tagħhom.  Iżda fl-2012, is-sena li fiha sar l-ilment, kien hemm każ wieħed biss.  Minn dawn it-tmien każi, f’każijiet wieħed biss kien inħatar bord mediku biex jikkonferma kienx hemm raġuni medika biżżejjed għal tali trasferiment.  Barra minn hekk, dawn it-transfers temporanji ġew imġedda minn sena għal sena a bażi ta’ ċertifikati mediċi aġġornati li kienu nħarġu minn speċjalisti mediċi.  Dan kien isir skont prassi antika tal-Awtoritajiet Edukattivi.

Is-sub-artikolu 1.1.2.5 (iii) tal-Public Service Management Code (il-Ħdax il-Edizzjoni tal-PSMC) jgħid li għandhom jinżammu listi ta’ stennija ta’ impjegati residenti Għawdxin li għandhom grad dipartimentali u li jkunu jaħdmu f’Malta iżda jixtiequ jaħdmu f’Għawdex.  Filwaqt li fil-gradi ġenerali fis-servizz pubbliku, tali lista tinżamm fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fil-każijiet ta’ gradi dipartimentali din tinżamm fil-Ministeru jew Dipartment rispettiv u f’dawn il-każi tal-aħħar bħala regola ma hemmx ħtieġa li l-Ministeru jew Dipartiment konċernat jitlob l-approvazzjoni tal-Uffiċċju tal-HR Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, sakemm it-transfer ma jkunx ser isir għall-Ministeru għal Għawdex u mhux għal istess Dipartiment f’Għawdex. Dawn il-listi jinżammu għal finijiet ta’ seniority u prijorita`.

Fil-każ li ġie investigat iż-żamma tal-lista rispettiva ta’ dawn l-impjegati, u d-deċiżjonijiet rispettivi kienet responsabbilita` tal-Awtoritajiet Edukattivi u ma kienx hemm bżonn l-approvazzjoni tal-PAHRO.

Is-sub-artikolu 1.1.2.5 (viii) tal-PSMC  jipprovdi li uffiċjali nisa tqal Għawdxin li jaħdmu Malta jistgħu jiġu trasferiti temporanjament għal Għawdex tul it-tqala u l-ħlas, wara li jippreżentaw ċertifikat mediku li jkun konfermat minn bord mediku maħtur mid-Dipartiment tas-Saħħa.

L-Ombudsman kien ukoll infurmat li għalkemm il-PSMC ma jsemmi xejn dwar ċertifikati oħra mediċi, il-PAHRO kien qed jaċċetta raġunijiet umanitarji biex impjegat residenti Għawdxi u li jaħdem Malta jaqbeż lill-kollegi tiegħu fil-lista tal-gradi ġenerali fis-Servizz Pubbliku biex jiġi trasferit biex jaħdem Għawdex.  Iżda f’dawn il-każi l-PAHRO kien qed jivverifika ċ-ċertifikati mediċi permezz ta’ bord mediku mwaqqaf apposta u minbarra li ssir verifika tal-każ kull tant żmien, dawn l-impjegati jkunu għat-tul tat-trasferiment temporanju tagħhom, ikkunsidrati li huma fuq light duties skont iċ-Cirkolari MPO/164/1995, u bi qbil mal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku jitwaqqfulhom l-increments fis-salarju (wara l-ewwel increment) u s-servizz temporanju f’Għawdex ma jkunx jgħodd għall-fini ta’ progression.  Barra minhekk, dawn l-Uffiċjali għandhom jerġaw jiġu eżaminati minn bord mediku fi żmien sitt xhur. Il-PAHRO informa wkoll li kien bi ħsiebu jestendi din il-prassi għas-Servizz Pubbliku kollu.

Kunsiderazzjonijiet

L-Ombudsman ikkunsidra li l-ilment oriġina minħabba l-prassi tal-Awtoritajiet Edukattivi tul bosta snin fir-rigward ta’ residenti Għawdxin jaħdmu f’Malta u li kienu jiġu trasferiti għal Għawdex, fuq bażi temporanja, jekk jippreżentaw ċertifikat mediku.  Skont il-complainant, kien hemm diversi kollegi tiegħu li taw x’jifhmu li kienu lesti jippreżentaw ċertifikat mediku biex jaqbżu lil sħabhom fl-istess lista ta’ stennija li hi bażata fuq is-seniority.  L-Ombudsman ikkunsidra ukoll li għalkemm il-PSMC ma jsemmi xejn dwar tali ċertifikati, il-PAHRO kien qed jaċċetta raġunijiet mediċi biex dan l-impjegat jaqbeż lill-kollegi tiegħu fil-gradi ġenerali fis-Servizz Pubbliku.  Iżda f’dawn il-każi l-PAHRO kien qed jieħu prekawzjoni billi jivverifika ċ-ċertifikati mediċi permezz ta’ bord mediku mwaqqaf apposta u minbarra li ssir verifika tal-każ kull tant żmien, dawn l-impjegati jkunu għat-tul tat-trasferiment temporanju tagħhom, ikkunsidrati li huma fuq light duties, jitwaqqfulhom l-increments fis-salarju u s-servizz temporanju f’Għawdex ma jkunx jgħodd għall-fini ta’ progression.  Dawn id-deterrenti ma kienux jeżistu fil-policy li għal bosta snin kienet adottata mill-Awtoritajiet Edukattivi fis-sitwazzjonijiet analogi.

Filwaqt li enfasizza li dawn il-kundizzjonijiet ma għandhom, b’ebda mod, jiġu nterpretati li l-impjegati konċernati fis-settur tal-edukazzjoni kienu qed jabbużaw is-sistema, u dwar dan ma kien hemm ebda evidenza, l-Ombudsman ikkunsidra l-aħjar prattiċi li għandhom jiġu adottati f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Fl-opinjoni tiegħu, l-Ombudsman kien tal-fehma li l-policy tal-Awtoritajiet Edukattivi li taċċetta ċertifikati mediċi mingħajr verifika medika indipendenti kienet waħda ta’riskju u ċertament ma kinitx l-aħjar prattika.  F’sitwazzjonijiet bħal dawn, Kap ta’ Dipartiment għandu jikkonsulta esperti mediċi indipendenti.  B’hekk tkun assigurata aktar trasparenza u tonqos il-possibilita` ta’ abbuż.  Hija ħasra li ma hemm ebda provvidiment speċifiku dwar dan u l-ebda ċirkulari għal dan il-għan fir-rigward tal-gradi dipartimentali.

L-Ombudsman ma daħalx fid-dettal tal-mertu jekk impjegati residenti Għawdxin li jiġu trasferiti biex iservu f’Għawdex minħabba raġunijiet umanitarji, għandhom jiġu kkunsidrati fuq light duties u b’riżultat jitwaqqfulhom l-increments u l-progression dment li jkunu trasparenti.  Hu qal li l-PAHRO kellu jiddeċiedi fuq din il-materja, inkluż jekk il-policy preżenti għandiex tiġi estiża għas-servizz pubbliku kollu, inklużi l-gradi dipartimentali.  B’danakollu hu esprima l-fehma tiegħu li f’dawn il-każi għandha l-ewwelnett tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk l-impjegat li jkun hekk trasferit, jistax jew le, minkejja l-kundizzjoni medika tiegħu, jaqdi d-dmirijiet kollha tal-grad tiegħu.  Bord mediku jista’ jagħti l-pariri tiegħu dwar dan.

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

Wara li kkunsidra l-mertu ta’ dan l-ilment, l-Ombudsman ikkonkluda li s-sistema tal-Awtoritajiet Edukattivi kienet waħda riskjuża u setgħet tagħti lok għal abbuż anke jekk ma rriżultatlu ebda evidenza dwar dan.  Għaldaqstant l-ilment kien ġustifikat.

Huwa irrikomanda li:

a)       l-Awtoritajiet Edukattivi jbiddlu l-policy tagħhom fir-rigward ta’ ċertifikati mediċi u jerġgħu jeżaminaw il-każi kollha fejn approvaw transfer għal Għawdex għal raġunijiet mediċi.  L-impjegati nvoluti għandhom jiġu eżaminati minn bord mediku u kull każ individwali jiġi trattat skont ir-rakkomandazzjonijiet (applikabbli għalih) tal-bord mediku; u li

b)      id-Dipartiment tar-Resourcing fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jassigura li l-policy applikabbli għal gradi ġenerali fis-servizz pubbliku japplikaw ukoll għall-gradi dipartimentali fir-rigward ta’ verifika, minn bord mediku, ta’ dawn iċ-ċertifikati.

Ir-reazzjoni tal-Awtoritajiet kompetenti

L-Awtoritajiet Edukattivi mill-ewwel infurmaw lill-Ombudsman li aċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u li ttieħdu l-passi meħtieġa biex f’kull każ (passat) ser ikun hemm verifika minn bord mediku.  Huma qalu wkoll li ser jadottaw din il-policy (ġdida) għall-futur.

Minn naħa tiegħu l-PAHRO filwaqt li qabel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, qal li wara konsultazzjonijiet mal-partijiet kollha involuti, kien ser jaġġorna l-policy u jindirizza l-kunsiderazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Parlamentari skont l-istess rapport.

Każijiet fil-qosor