Inkonvenjenza u telf ta’ negozju ikkawżati minħabba Ċentru Miftuħ għall-Immigranti fil-viċinanzi

L-ilment

Il-management ta’ kumpless li fih jinżammu tiġijiet u funzjonijiet oħra, li jinsab biswit Ċentru Miftuħ għall-immigranti lmenta mis-sitwazzjoni kaotika u diżastruża li tħalliet tinħoloq fl-inħawi u dan kawża ta’ amministrazzjoni ħażina minn diversi dipartimenti tal-Gvern, li ħallew din l-attivita` għaddejja.  B’konsegwenza ta’ hekk, il-kumpanija sofriet telf fin-negozju u finanzjarjament.

Il-persuna li ressaq l-ilment qatt ma ċaħad il-ħtieġa tal-ftuħ ta’ dan iċ-Ċentru jew  il-ħtieġa tal-proċess involut sabiex dawn l-immigranti jiġu integrati fil-pajjiż u fis-soċjeta`.    Lanqas qatt ma ġiet ikkontestata l-importanza li l-immigranti jitħallew joħorġu barra miċ-Ċentru, pass li kien kruċjali għall-integrazzjoni tagħhom.  Minkejja dan hu sostna li l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji ma kellhomx isiru b’detriment għad-drittijiet ta’ ħaddieħor.  Hu tenna li tali attivitajiet kellhom isiru in konformita` mar-regoli u liġijiet li kienu applikabbli għall-kumplament tas-soċjeta` Maltija.  Hu argumenta li f’dan il-każ dan il-bilanċ ma kienx qiegħed jinżamm.

Il-persuna li ressaq l-ilment argumenta li ċ-Ċentru Miftuħ ma kienx kopert bil-permessi meħtieġa tal-MEPA u li b’hekk allura ma kien sar l-ebda studju fuq l-impatt li dan l-iżvilupp kien ser jikkawża lill-ambjent ta’ madwaru (Environment Impact Assessment) u dan speċjalment f’dak li jirrigwarda t-traffiku fl-inħawi.  Hu għamel xi proposti kif dawn l-effetti negattivi setgħu jitnaqqsu.

Il-persuna li ressaq l-ilment sostna li kienu dawn l-effetti negattivi li rrovinaw in-negozju tiegħu.

L-investigazzjoni

Dan l-Uffiċċju żamm laqgħat ma’ diversi partijiet ikkonċernati fosthom il-Pulizija, uffiċjali tal-Kunsill Lokali, il-management taċ-Ċentru Miftuħ u mal-persuna li ressaq l-ilment.  Inkisbet ukoll informazzjoni mill-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA fir-rigward tal-irwol u r-responsabbiltajiet li kellha l-MEPA f’din il-kwistjoni.

Mill-investigazzjoni ħarġu dawn il-fatti:

a)         It-triq in kwistjoni hi l-unika arterja li twassal għall-kumpless tal-persuna li ressaq l-ilment, liema kumpless għandu l-liċenzji kollha neċessarji sabiex fih jinżammu tiġijiet u funzjonijiet oħra li jospitaw diversi mijiet ta’ persuni.   Bil-lejl it-triq bilkemm tkun imdawwla.

b)         Iċ-Ċentru Miftuħ hu villaġġ mimli tined li jakkomoda fih diversi mijiet ta’ immigranti u d-daħla tiegħu tagħti għal fuq din l-istess triq.   L-ambjent ma jilqgħekx – hu post mitluq li saħansitra jqajjem dubji kemm hu adekwat u abitabbli.

ċ)         L-impatt negattiv li dan iċ-Ċentru kellu fuq in-negozju tal-persuna li ressaq l-ilment hu evidenti ħafna mhux biss minħabba l-atmosfera degradanti tal-madwar iżda ukoll u iktar importanti, minħabba l-problema kbira tat-traffiku li tħalliet tiġi ġenerata viċin ħafna d-daħla tal-istess Ċentru.

d)         B’riżultat tad-dritt għall-moviment ħieles mogħti lir-residenti taċ-Ċentru Miftuħ għall-moviment ħieles u l-inkoraġġiment li dawn il-persuni jibdew jipprovdu l-ħtieġijiet bażiċi tagħhom huma stess bħala komunita`, fl-inħawi inħoloq ċertu livell ta’ attivita` kummerċjali sabiex ikunu jistgħu jiġu issodisfati dawn il-ħtiġijiet.  Dan wassal biex kuljum kienu jinġabru numru ta’ bejjiegħa (li sa matul l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment uħud minnhom kienu liċenzjati u oħrajn le) f’ħinijiet differenti tal-ġurnata, b’mod speċjali tard wara nofsinhar u filgħaxija.  Ir-residenti taċ-Ċentru joħorġu fit-triq sabiex jixtru l-bżonnijiet tagħhom ta’ kuljum u jissoċjalizzaw.

e)         It-triq in kwistjoni m’għandhiex bankina u l-attivita` kummerċjali ġieli tqarreb lejn id-daqs ta’ suq miftuħ, ħafna drabi mimli wisq, li jwassal sabiex id-dħul f’din it-triq permezz ta’ vettura jsir diffiċli ħafna u perikoluż kemm għar-residenti nfushom kif ukoll għas-sewwieqa.  Is-sitwazzjoni fix-xitwa tkun agħar minħabba li jidlam aktar kmieni.  Is-sitwazzjoni tkompli tiggrava meta jkun hemm xi attivita` fil-kumpless tal-persuna li ressaq l-ilment u dan minħabba l-ammont ta’ vetturi li jkunu jridu jidħlu fil-kumpless.

f)          Minkejja d-diversi rapporti li l-persuna li ressaq l-ilment għamel, fejn indika li hu kien qed jitlef in-negozju u minkejja r-rondi li minn żmien għal żmien kienu jagħmlu l-Pulizija, dawn l-ispezzjonijiet ma solvewx il-problema li din l-attivita` kienet qed tiġġenera.

g)         Il-persuna li ressaq l-ilment ipprovda evidenza tat-telf li hu kien qiegħed iġarrab fin-negozju tiegħu, li fosthom kien hemm it-telf ta’ kuntratt esklussiv li hu kellu ma’ kumpanija rinomata tal-catering li kienet taħdem fil-kumpless tal-persuna li ressaq l-ilment, liema kuntratt intemm minħabba li skont din il-kumpanija, l-kumpless ‘is no longer in a fit condition for the use for which it has been let’.  Din il-kumpanija ikkonfermat li kellha prenotazzjonijiet li ġew ikkanċellati minħabba din il-problema u li saħansitra kien hemm mistednin li kienu intimidati u li kellhom idawwru lura d-dar fi triqithom lejn xi attivita` organizzata  f’dan il-post fil-post.   B’riżultat ta’ dan, in-negozju tal-persuna li ressaq l-ilment tista’ tgħid li kien waqaf għal kollox.

Kunsiderazzjonijiet

L-Ombudsman fehem il-kriżi mhux żgħira li kellu l-Gvern bil-problema tal-immigranti irregolari li jkollhom bżonn akkomodazzjoni temporanja u  allura fehem il-ħtieġa ta’ Ċentru Miftuħ.  Fl-istess waqt, l-Ombudsman innota wkoll l-attitudni pożittiva tal-persuna li ressaq l-ilment lejn din l-istess ħtieġa ta’ Ċentru Miftuħ.  Il-persuna li ressaq l-ilment fil-fatt kien qiegħed biss jinsisti li l-attivitajiet ikkonċernati kellhom isiru bl-inqas inkonvenjent possibbli għal attivitajiet soċjali u kummerċjali oħra fl-inħawi.

Wara li stabbilixxa l-fatti li ikkonfermaw id-diffikulta` li kien għaddej minnha l-persuna li ressaq l-ilment,  partikolarment is-sitwazzjoni kaotika fl-inħawi li kienet qed tkun ukoll ta’ periklu għas-sewwieqa u għal persuni miexja fit-triq apparti li irrovinat in-negozju tal-persuna li ressaq l-ilment, l-Ombudsman ikkunsidra li l-proposti li min ilmenta kien qajjem setgħu jitqiesu bħala soluzzjonijiet biex tittaffa l-problema.  Ġie ikkonfermat mal-Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA li ċ-Ċentru Miftuħ kellu bżonn, iżda ma kienx kopert bil-permessi relattivi tal-MEPA, u li b’riżultat ta’ hekk ma kien sar allura ebda studju fuq l-impatt ambjentali (Environmental Impact Assessment) inkluża evalwazzjoni tal-impatt fuq it-traffiku tal-madwar.  Studju Amjentali fuq l-impatt li żvilupp iħalli fuq l-ambjent ta’ madwaru joħloq kuxjenza fuq l-inkonvenjenzi li jistgħu jinħolqu b’attivita` bħal din u jservi biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi permezz ta’ ħolqien ta’ miżuri apposta.  L-Ombudsman iżda ħass li dawn kienu materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-MEPA u li għandhom allura jiġu indirizzati minnha.

Il-persuna li ressaq l-ilment għamel erba’ proposti kif is-sitwazzjoni tista’ titjieb.  Dawn kienu jinkludu li:

1)         tidjieq id-daħla taċ-Ċentru Miftuħ u li din titħalla biss għal użu amministrattiv;

2)         tinfetaħ daħla żgħira oħra, lejn in-nofsinhar taċ-Ċentru, maġenb il-container storage depot, sabiex isservi ta’ dħul u ħruġ komdu għar-residenti;

3)         jinstab post alternattiv fejn jistgħu jieqfu l-bejjiegħa; u

4)         t-tlugħ ta’ hoarding madwar il-fence eżistenti biex titħares il-privatezza tar-residenti.

Filwaqt li l-Ombudsman jaqbel mal-ħtieġa ta’ ċertu ammont ta’ kummerċ fl-inħawi in kwistjoni hu ikkunsidra li tali kummerċ kellu jkun regolat u dan billi; jiġi allokat lilu post addattat, il-bejjiegħa jkunu kollha liċenzjati, u jkun assigurat li jitħarsu r-regolamenti kollha applikabbli għal kull suq miftuħ ieħor.  Din kienet materja li kellha tkun ikkunsidrata mill-awtoritajiet kollha ikkonċernati fosthom il-MEPA, d-Dipartiment tal-Kummerċ u l-management taċ-Ċentru Miftuħ.

L-Ombudsman iżda esprima t-tħassib tiegħu rigward kull proposta li tista’ twassal għal restrizzjoni fuq l-immigranti fid-dħul u l-ħruġ tagħhom minn u lejn iċ-Ċentru.  Hu qabel li l-bejjiegħa ma kellhomx jitħallew jarmaw ħdejn id-daħla prinċipali iżda minn naħa l-oħra ma qabilx li kellha tittella’ hoarding fl-inħawi.  L-Ombudsman wera l-fehma li l-MEPA għandha, hi u tikkunsidra l-proposti mressqa mill-persuna li ressaq l-ilment, tikkonsulta u tieħu pariri professjonali mingħand l-OIWAS u l-management taċ-Ċentru Miftuħ.  Minħabba li dawn kienu kollha materji li kellhom jiġu ikkunsidrati fl-ewwel lok mill-MEPA, li kellha tassigura li ċ-Ċentru jkun kopert bil-permessi meħtieġa, l-Ombudsman ħass li fiċ-ċirkostanzi (għalissa) ma kellux jasal għal konklużjonijiet tiegħu fuq dawn il-proposti.

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti l-Ombudsman laqa’ l-ilment fir-rigward tal-attivita` kummerċjali kaotika li kienet qed titħalla ssir quddiem id-daħla prinċipali taċ-Ċentru Miftuħ, liema attivita` kellha bżonn li tiġi regolata u jiddawwlu aħjar l-inħawi involuti.  Iċ-Ċentru Miftuħ innifsu kellu wkoll jiġi kopert bil-permessi neċessarji tal-MEPA.  In-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-awtoritajiet ikkonċernati li jikkontrollaw tajjeb din is-sitwazzjoni wassal lill-persuna li ressaq l-ilment biex isofri telf finanzjarju sostanzjali.

L-Ombudsman irrakkomanda lill-awtoritajiet kollha ikkonċernati, inkluża l-MEPA, sabiex jinvestigaw din is-sitwazzjoni u jfasslu pjan biex jindirizzaw din il-problema, u dan skont ma kien indikat minnu fir-rapport tiegħu.

Segwitu tal-każ

L-Ombudsman bagħat l-Opinjoni Finali tiegħu lill-persuna li ressaq l-ilment u lill-awtoritajiet ikkonċernati inklużi l-MEPA, il-Pulizija, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern u l-Management taċ-Ċentru Miftuħ.

L-ispezzjonijiet li minn żmien għal żmien baqgħu jagħmlu l-Pulizija ma rriżultaw fl-ebda titjib sinjifikanti.  Lanqas ma kienu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman mill-awtoritajiet ikkonċernati.  Kien irnexxielu biss li jikkonvinċi lill-MEPA biex tassigura li ssir l-applikazzjoni meħtieġa sabiex il-bini eżistenti jkun kopert bil-permessi neċessarji.  Dan pero` dan ma wassalx biex dan l-ilment jintlaqħaq. L-Ombudsman għalhekk ġab dan il-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru fejn insista li n-nuqqas ta’ kontroll serju tas-sitwazzjoni u n-nuqqas ta’ azzjoni effettiva mill-awtoritajiet responsabbli kienu qed jikkaġunaw danni finanzjarji kbar lill-persuna li ressaq l-ilment.  L-Ombudsman kompla billi qal li kemm il-darba l-amministrazzjoni ma kienetx f’pożizzjoni li tirrimedja din il-problema fi żmien qasir li jippermetti lil din il-persuna jkompli jopera n-negozju tiegħu , allura hu ma kellu l-ebda għażla ħlief li jitlob lill-Gvern jikkunsidra li ċ-Ċentru Miftuħ immexxi mill-istess Gvern kien qiegħed jesproprja l-propjeta` tal-persuna li ressaq l-ilment u dan billi waqqalu l-valur tagħha.  Il-Gvern kellu wkoll jikkunsidra li ma kienx ġust li persuna waħedha ġġor il-piż b’mod sproporzjonat sabiex jitħarsu l-interessi tal-pajjiż u għalhekk din il-persuna kellha tkun ikkumpensata kif xieraq.  Waqt li kien qed jagħmel dan il-kumment l-Ombudsman irrefera għal każ analogu fejn persuna li kellha villa f’Dellimara kienet ġiet ikkumpensata, wara li l-Qorti hekk kienet ordnat, minħabba l-effetti negattivi li ċ-ċumnija tal-power station ħalliet fuq il-propjeta` tas-sid in kwistjoni.

L-Ombudsman, waqt li informa lill-Prim Ministru li l-unika triq li kien fadallu kienet li jirreferi l-każ lill-Kamra tar-Rappreżentanti, ikkonkluda billi irrakkomanda lill-Prim Ministru biex jappunta uffiċjal fl-Uffiċċju tiegħu sabiex jieħu ħsieb jikkordina l-miżuri kollha li kienu meħtieġa mid-diversi dipartimenti/aġenziji involuti u dan  sabiex tkun tista’ tissolva din il-problema.

Każijiet fil-qosor