Kumpens għad-diżabilita` li sofra wara illi ddaħħal l-isptar għal operazzjoni

L-ilment

Pazjent illi ġie operat minħabba komplikazzjonijiet ta’ ftuq allega illi b’riżultat tal-operazzjoni spiċċa b’diżabilita`.  L-intervent kirurġiku ma kellu x’jaqsam xejn mad-diżabilita`, u wara ħafna eżamijiet mediċi, Konsulent fin-Newroloġija fl-Isptar Mater Dei ikkonkluda illi l-pazjent kien qiegħed isofri minn diżabilita` ta’ 50% u li żgur ma kellux din il-kundizzjoni meta ddaħħal l-isptar.

Il-complainant permezz tal-avukat tiegħu talab għall-kumpens għaliex spiċċa b’diżabilita`, jiddependi minn ħaddieħor u minħabba illi kellu jagħmel ħafna spejjeż.  It-talba tiegħu ġiet miċħuda.  Għalhekk il-complainant talab lill-Uffiċċju tal-Ombudsman sabiex jinvestiga l-każ tiegħu.

Il-fatti li jirriżultaw

F’April tal-2010, il-complainant iddaħħal l-Isptar Mater Dei isofri minn komplikazzjonijiet ta’ ftuq.  L-għada ġie operat u l-kundizzjoni tiegħu kienet stabbli.  Wara l-operazzjoni inqalaw kumplikazzjonijiet li għalihom kellu jiġi ikkurat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU).  Wara ftit ġranet ġie trasferit lura fis-sala tiegħu.

Waqt li kien qiegħed jirkupra, il-mara tal-complainant innotat illi kien qiegħed ibati biex iċaqlaq idejh ix-xellugija.  In-Newrologu li eżamina l-każ għamel dijanjosi ta’ celebral ifarction u possibbilment ikkawżatlu nuqqas sostanzjali fis-saħħa tal-muskoli tal-istess driegħ.  Il-pazjent ħareġ mill-isptar f’Mejju 2010.

F’Lulju tal-2010, il-pazjent ġie eżaminat minn Konsulent fin-Newroloġija u ikkonferma li kellu “a left post ganglionic brachual plexus lesion”.

Għalkemm fix-xhur ta’ wara il-complainant kellu diversi testijiet newroloġiċi l-qagħda tiegħu ftit li xejn tjiebet.  F’Novembru tal-2011 waqt li kien qiegħed jiġi eżaminat ġie innotat illi l-pazjent kellu “Grade 4 weakness of the left triceps, a complete wrist and finger drop and all the intrinsic muscles of the left hand”.

Il-Konsulent fin-Newroloġija sostna illi dawn ma kienux relatati mal-operazzjoni li saritlu, imma setgħet ġrat f’xi ħin meta l-pazjent kien qiegħed jiġi operat, meta kien fil-kura intensiva jew meta kien qiegħed jiġi trasferit għall-Unit tal-Kura Intensiva.  Huwa iddikjara illi “by analogy, although there wasn’t a specific figure for a complete lesion of the lower trunds of the brachial plexius, the patient had a 50% permanent disability”

Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissarju għas-Saħħa aċċetta illi jinvestiga dan il-każ u wara li ressaq dan l-ilment mad-Dipartiment tas-Saħħa, l-Uffiċjal Mediku Ewlieni informatu illi kienet qed tiġbor l-informazzjoni kollha dwar il-każ sabiex isiru l-arranġamenti għall-kumpens mal-pazjent involut.

L-eżitu

Id-Dipartiment tas-Saħħa, mingħajr ma ammetta ebda tort għad-danni li sofra l-pazjent aċċetta illi jagħtih kumpens.  L-offerta inizjali ġiet negozjata u l-pazjent aċċetta.

Każijiet fil-qosor