Il-Każ
Fit-2 ta’ Awwissu 2023, it-Times of Malta ppubblikat ittra mis-Sur Emanuel Galea mir-Rabat, Għawdex li tenfasizza it-tħassib sinjifikanti dwar is-saħħa fuq il-vapuri ta’ Għawdex. Il-kwistjoni kienet fir-rigward tad-diversi vetturi li jinżammu bil-magni startjati matul il-vjaġġ, u b’hekk kemm il-passiġġieri li jinsabu fuq barra ta’ dawn il-vetturi kif ukoll l-ekwipaġġ tal-Gozo Channel jiġu esposti għal emissjonijiet tossiċi f’żona fejn hemm il-ventilazzjoni tal-arja hija limitata. Fl-ittra ssemma wkoll li meta l-ekwipaġġ tal-Gozo Channel ipprova javviċina lis-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi dwar din il-kwistjoni, ħafna drabi ġew injorati.
L-investigazzjoni
L-Uffiċċju tal-Ombudsman, filwaqt li rrikonoxxa s-serjetà tat-tħassib tas-Sur Galea, mill-ewwel ikkunttattja direttament lill-Gozo Channel. L-għan kien sabiex jinkiseb fehim aktar ċar u profond tal-policies u l-miżuri stabbiliti dwar fatti simili li wieħed jiltaqa’ magħhom ta’ spiss. Speċifikament, l-Uffiċċju tal-Ombudsman stħarreġ illi jiċċara x’kienu jistabilixxu l-Proċeduri Operattivi abbord il-Gozo Channel u kwalunkwe linji gwida oħra relatati li jindirizzaw din il-kwistjoni tal-vetturi li jinżammu startjati waqt il-vjaġġ u l-passiġġieri li joqogħdu fuq il-gverta tal-vapur fejn jinżammu l-karozzi.
Matul l-investigazzjoni, il-Gozo Channel ikkonfermat illi l-Proċeduri Operattivi fuq il-Vapuri tagħhom, kienu espliċitament jipprojbixxu lill-passiġġieri milli jibqgħu fuq il-gverta tal-karozzi waqt il-vjaġġ. Barra minn hekk, huma pprovdew kopja ta’ Fleet Letter illi tagħti struzzjonijiet lill-membri tal-ekwipaġġ biex jinfurmaw lill-passiġġieri dwar il-perikli u l-ksur tal-policy jekk jibqgħu fil-vetturi tagħhom bil-magni startjati.
L-eżitu
Sabiex tkompli tindirizza l-kwistjoni u tiġi żgurata s-sigurtà ta’ dawk kollha abbord, il-Gozo Channel ħabbret illi ser tittieħed inizjattiva ġdida: mit-18 ta’ Awwissu, uffiċjal tal-pulizija ser jiġi assenjat biex jispezzjona l-vapuri kuljum bejn it-8.00 ta’ filgħodu u s-6:00 ta’ filgħaxija. Din il-miżura hija mistennija li ssaħħaħ l-infurzar, tiżgura illi kulħadd ikun konformi mar-regolamenti tal-vapuri u tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-ekwipaġġ.
Stqarrijiet