Ombudsplan 2016: L-Ombudsman il-kuxjenza tal-Amministrazzjoni Pubblika

20 sena fis-servizz taċ-ċittadin

L-Ombudsman Parlamentari, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, dalgħodu ippreżenta l-Ombudsplan, lill-iSpeaker tal-Parlament l-Onor. Anglu Farrugia.

Waqt il-preżentazzjoni, l-Ombudsman qal illi s-sena 2015 timmarka l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-Istituzzjoni tal-Ombudsman. F’dawn l-20 sena ta’ ħidma sfiqa biex jiggarantixxi l-jedd fundamentali ta’ amministrazzjoni pubblika tajba, l-Uffiċċju tal-Ombudsman kien ta’ għajnuna għal eluf ta’ individwi li irrikorrew għandu għal rimedju kontra allegati inġustizzji.

Minnbarra dan, fl-aħħar snin, l-Uffiċċju tal-Ombudsman wessa’ l-parametri tal-ġurisdizzjoni tiegħu billi għamel aktar enfasi fuq ir-rwol tiegħu ta’ għodda effikaċi biex itejjeb l-amministrazzjoni pubblika tajba.

Sal-lum, l-Ombudsplan huwa l-unika dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra li jiġi diskuss, u għalhekk, saret prattika fl-aħħar snin, li l-Ombudsman jieħu l-okkażjoni biex jiffoka fuq ċerti aspetti fl-amministrazzjoni pubblika f’sens wiesa’, li fil-fehma tiegħu jimmeritaw riflessjoni u attenzjoni. Dan kemm mir-Rappreżentanti tal-Poplu u kif ukoll mis-soċjetà ċivili. Meta jagħmel hekk l-Ombudsman ikun qed jaqdi funzjoni importanti – dik li jkun il-kuxjenza tal-amministrazzjoni pubblika.

Din is-sena l-Ombudsplan qed jitratta żewġ aspetti fl-amministrazzjoni pubblika li fil-fehma tal-Ombudsman qed ikunu problematiċi. Dawn huma l-esperjenza tal-Bordijiet interni biex jissewwew inġustizzji tal-passat u l-jedd taċ-ċittadin għall-informazzjoni.

Fl-Ombudsplan ta’ din is-sena qed jiġu ippubblikati ukoll żewġ surveys li saru fix-xhur li għaddew, wieħed ma’ dawk li għamlu użu mis-servizz tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-aħħar snin u l-ieħor mal-pubbliku in ġenerali. Dawn is-surveys saru bil-għan li s-servizz offrut liċ-ċittadin ikompli jitjieb u sabiex jiġu identifikati l-aħjar mezzi biex l-għarfien dwar din l-Istituzzjoni importanti jkompli jiżdied.

Iklikkja hawn biex tniżżel tal-Ombudsplan 2016

Media Releases