L-Ombudsman jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu lill-President

L-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, għamel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu lill-President ta’ Malta, l-E.T. George Vella. Iż-żjara ta’ korteżija kienet ta’ opportunità għall-Ombudsman sabiex jiddiskuti x-xogħol tal-Uffiċċju tiegħu u l-pjanijiet futuri mill-ħatra tiegħu fit-8 ta’ Marzu.

Waqt il-laqgħa, l-Imħallef Zammit McKeon enfasizza r-responsabbiltà li hija marbuta mal-ħatra unanima tiegħu. Huwa esprima l-impenn tiegħu li jilħaq l-aspettattivi marbuta mar-rwol kostituzzjonali tiegħu, partikolarment dik li jindirizza kwistjonijiet ta’ amministrazzjoni ħażina.

L-Ombudsman ta ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet tal-Uffiċċju tiegħu matul dawn l-aħħar erba’ xhur. Huwa informa lill-President li l-viżjoni tiegħu għall-istituzzjoni se tkun deskritta fil-qosor fl-Ombudsplan li jmiss jiġifieri fl-‘Ombudsplan 2024’. L-istrateġija għandha l-għan li tagħmel l-Uffiċċju tal-Ombudsman aktar rilevanti u aċċessibbli għall-pubbliku, li ttejjeb l-amministrazzjoni pubblika, u tgħolli l-profil tal-istituzzjoni kemm fuq livell lokali kif ukoll fuq dak internazzjonali.

L-Ombudsman iddiskuta wkoll il-kollaborazzjoni sfieqa bejn l-Uffiċċju tiegħu u s-servizz pubbliku. Huwa enfasizza l-isforzi kontinwi biex tiżdied ir-rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Ombudsman u l-Kummissarji tiegħu.

Barra minn hekk, il-President Vella ġie aġġornat dwar il-konferenza li ser issir aktar tard din is-sena li ser tkun ko-ospitata mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Assoċjazzjoni tal-Ombudsmen tal-Mediterran (AOM) bit-tema ‘The Right to Good Administration: Myth, Aspiration, or Reality?’ li fiha ser ikun hemm numru ta’ mistednin u kelliema distinti, lokali u internazzjonali.

Il-President irringrazzja lill-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-ħidma li wettaq tul is-snin.

Il-laqgħa ġiet fi tmiemha billi l-Ombudsman ippreżenta r-Rapport Annwali 2022 lill-President Vella, li jagħi ħarsa lejn il-ħidma li saret mill-Uffiċċju tiegħu fis-sena ta’ qabel.

Stqarrijiet