L-Ombudsman Parlamentari, il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino, awtorizza lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit David Pace u l-Kummissarju għas-Saħħa, is-Sur Charles Messina, sabiex jagħmlu ‘Own Initiative Investigation’ dwar il-prattiċi użati fi tfiegħ tad-drenaġġ fuq l-uċuh tar-raba’. Din l-investigazzjoni qed titratta l-impatt negattiv li dawn il-prattiċi jista’ ikollhom fuq l-ambjent u s-saħħa.
Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ombudsman qal illi din l-investigazzjoni se tistabilixxi jekk hemmx lok għal tħassib dwar l-effetti li dawn il-prattiċi għandhom fuq l-ambjent u s-saħħa. Wara li ssir l-investigazzjoni, l-Uffiċċju tal-Ombudsman se jkun qiegħed jippubblika rapport li fih, apparti l-fatti u dak li ħareġ mill-investigazzjoni, ikun jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet. L-Uffiċċju tal-Ombudsman, imbagħad se jkun qiegħed isegwi jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunux ġew addottati mill-awtoritajiet.
Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit David Pace qal, illi s’issa saru diversi laqgħat ma’ esperti fis-settur u minn dak li rriżulta, jidher li din il-problema hija mifruxa. Il-Perit Pace qal illi jidhirlu li l-investigazzjoni għandha tmur oltre` mit-tfiegħ tad-drenaġġ fir-raba’ u jinkludi ukoll il-prattiċi ta’ kif dan id-drenaġġ jiġi trattat. Dan minħabba li jista’ ikun li qed joħloq pressjoni fuq is-sistema tat-tisfija tal-ilma qabel ma jintefgħa l-baħar. Il-Kummissarju qal illi dawn il-prattiċi jistgħu jaffettwaw ukoll il-water table minħabba l-livell ta’ nitrati li fih dan id-drenaġġ.
Il-Kummissarju għas-Saħħa, is-Sur Charles Messina qal illi mil-lat ta’ impatt fuq is-saħħa, hu talab lill-Food Safety Commission għar-reazzjoni tagħhom dwar dawn il-prattiċi. Hu qal li għalkemm jista’ ma jkunx hemm lok għall-allarm, wieħed irid jistenna r-rapport tal-Food Safety Commission, sabiex l-investigazzjoni tkun tista’ tkompli. Hu tenna illi għad irid jiġi ukoll stabbilit, jekk kif ġie rappurtat, kienx hemm għelieqi li ġew imsoqqija direttament minn dan id-drenaġġ mhux trattat.
L-Ombudsman Parlamentari, enfasizza li l-investigazzjoni tiddependi ħafna fuq l-informazzjoni u l-fatti li l-Kummissarji jiġbru u għalhekk l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet hija essenzjali. L-Ombudsman ħabbar illi biex jiġi assigurat illi l-Uffiċċju jkollu l-informazzjoni kollha meħtieġa, se jinfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni biex dawk kollha interessati, jistgħu jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom. L-Ombudsman ħeġġeġ biex kull min għandu informazzjoni utli dwar l-inċidenza ta’ dawn il-prattiċi iwassalhom lill-Uffiċċju tal-Ombudsman. L-Ombudsman tenna li kull informazzjoni li tasal tkun kunfidenzjali u tintuża biss għall-iskop tal-investigazzjoni.
Is-sottomissjonijiet jistgħu isiru online permezz tas-sezzjoni ‘Ibgħat il-Kummenti tiegħek’ fil-website www.ombudsman.org.mt; b’email fuq consultation@ombudsman.org.mt jew jintbgħatu lil: Ombudsman Parlamentari, Own Initiative Investigation, Uffiċċju tal-Ombudsman, 11, Triq San Pawl, Valletta. Is-sottomissjonijiet se jiġu milqugħa sat-22 ta’ Ġunju 2014.
Stqarrijiet