L-Ombudsman jiltaqa’ mal-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem

L-Ombudsman Parlamentari, is-Sur Anthony C. Mifsud iltaqa’ mas-Sur Nils Muiznieks, il-Kummissarju Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE).  Il-Kummissarju kien jinsab f’Malta għal żjara ta’ jumejn sabiex jagħmel monitoraġġ fuq l-istandards dwar il-ħarsien tal-jeddijiet tal-bniedem bħala parti mill-obbligi li għandha Malta bħala Stat Membru tal-Kunsill tal-Ewropa.  Dawn iż-żjarat għandhom l-għan li jipprovdu lill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa b’linji gwida biex jgħollu dejjem aktar l-istandards dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-mandat tal-Kummissarju.

L-attenzjoni prinċipali tal-Kummissarju tul din il-laqgħa mal-Ombudsman Parlamentari trattat l-migranti fil-kuntest tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem l-integrazzjoni tagħhom u d-drittijiet tan-nisa.  F’din il-laqgħa ġew ukoll diskussi ir-rwol tal-Ombudsman fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-konsultazzjoni pubblika nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u  l-qafas tal-ugwaljanza.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem kien akkumpanjat mis-Sur Matthieu Birker li huwa l-Konsulent tal-Kummissarju u s-Sur Nikolaos Sitaropoulos, id-Deputat Direttur tal-Uffiċċju tiegħu.  Għal din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti l-Kummissarju għas-Saħħa, is-Sur Charles Messina, il-Kap tat-Taqsima tal-Investigazzjonijiet, Dr Monica Borg Galea, l-Uffiċjal għar-Riċerka u Kommunikazzjoni, is-Sur Jurgen Cassar u l-Uffiċjal Investigatur, Dr Danielle Mallia.

Uncategorized @mt