L-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, iltaqa’ mal-Kunsill Malti għar-Refuġjati għal sessjoni ta’ informazzjoni. L-għan ta’ din il-laqgħa kien li jitqajjem aktar għarfien dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman Parlamentari, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) Maltin li jaħdmu fil-qasam tal-migrazzjoni.
Il-Kunsill Malti għar-Refuġjati huwa netwerk ta’ NGOs Maltin li jippromwovi d-drittijiet fundamentali tal-bniedem għal dawk l-individwi li jkunu vittmi ta’ migrazzjoni rregolari.
Dr Neil Falzon, Direttur tal-Fondazzjoni Aditus, introduċa l-laqgħa, fejn spjega l-missjoni li għandu l-Kunsill. Huwa saħaq li l-ħidma tagħhom tinvolvi l-promozzjoni ta’ leġiżlazzjoni, policies u prattiċi li jimxu id f’id mal-obbligi internazzjonali ta’ Malta u mal-aħjar prattiċi fis-settur. Barra minn hekk, sostna illi l-Kunsill jistinka biex irawwem ambjent akkoljenti u inklussiv għar-refuġjati.
L-Imħallef Emeritus Zammit McKeon stqarr illi l-Uffiċċju tal-Ombudsman qed jinsisti sabiex jilħaq b’mod attiv oqsma fis-soċjetà li jistgħu jeħtieġu s-servizzi tal-Ombudsman. Dawn l-inizjattivi huma maħsuba biex iqarrbu l-istituzzjoni lejn in-nies u jagħmluha aktar aċċessibbli għal dawk li qed ifittxu li jiksbu rimedju għal amministrazzjoni ħażina. Huwa enfasizza dwar l-importanza ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni bħal dawn fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-NGOs.
Matul din is-sessjoni Dr Monica Borg Galea, Kap tal-Investigazzjonijiet fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, għamlet preżentazzjoni dwar ir-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman. Wara l-preżentazzjoni, membri minn diversi NGOs iddiskutew b’mod kostruttiv dwar dan is-suġġett, saru numru ta’ mistoqsijiet u qasmu l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-qasam tal-migrazzjoni.