L-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, kellu laqgħa ta’ kortesija mal-Eċċellenza Tagħha l-Ambaxxatriċi Marlene Bonnici, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea fi Brussell.
Waqt il-laqgħa tagħhom, l-Ambaxxatriċi Bonnici spjegat il-funzjoni ewlenija tar-Rappreżentanza Permanenti li hija dik li tirrapreżenta lill-Malta fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li tkun il-ħolqa ta’ kummunikazzjoni ma’ istituzzjonijiet ewlenin bħall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Ir-Rappreżentant Permanenti kompliet ukoll tispjega il-proċess ta’ laqgħat li jkollhom l-esperti mir-Rappreżentanza, l-parteċipazzjoni b’mod attiv f’għadd kbir ta’ konsultazzjonijiet u diskussjonijiet li jsiru fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE, li jikkontribwixxu għall-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Fir-reazzjoni tiegħu, l-Ombudsman spjega lilli l-iskop wara dawn iż-żjarat ta’ korteżija huwa li jippromwovi komunikazzjoni u fehim aħjar bejn fora differenti u li jenfasizza r-rwol tal-Ombudsman biex jippromwovi amministrazzjoni tajba. Fil-fatt, f’Ottubru, l-Ombudsman f’Malta, bħala Segretarju Ġenerali u Teżorier tal-Assoċjazzjoni tal-Ombudsman tal-Mediterran, ser jorganizza konferenza internazzjonali f’Malta li se tiffoka fuq id-dritt għal amministrazzjoni tajba. Dan il-kunċett huwa kruċjali biex jissaħħu l-uffiċċji tal-Ombudsman u il-promozzjoni ta’ bidla radikali fil-mentalità, li tassigura li l-amministrazzjonijiet pubbliċi joperaw b’mod trasparenti, b’mod responsabbli u kontabbli, u li jittrattaw lin-nies b’mod ġust u ekwu mingħajr diskriminazzjoni mhux xierqa.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll l-Eċċellenza Tiegħu Clint Tanti, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu u Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-NATO u s-Sinjura Martina Portelli, Chef de Cabinet tar-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE. L-Ombudsman kien akkumpanjat mis-Sur Paul Borg, Direttur Ġenerali u s-Sur Jurgen Cassar, Kap tal-Komunikazzjoni u r-Riċerka.
Stqarrijiet