L-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, l-Ombudsman Malti, indirizza s-Sessjoni Plenarja ta’ konferenza organizzata mill-Istituzzjoni tal-Ombudsman fil-Kosovo u l-Assoċjazzjoni tal-Ombudsman tal-Mediterran (AOM). Il-konferenza intitolata ‘Integrity and Independence of Ombudsman Institutions: Resilience amidst Challenges,’ (‘Integrità u Indipendenza tal-Istituzzjonijiet tal-Ombudsman: Reżiljenza fost l-Sfidi,’) nidiet diskussjoni f’waqtha dwar l-istat u l-futur tal-istituzzjonijiet tal-Ombudsman.
Matul is-sessjoni bit-tema ‘The Ombudsman Institution: Under Threat, Challenges and Opportunities,’ (‘L-Istituzzjoni tal-Ombudsman: Taħt Theddida, Sfidi u Opportunitajiet,’) l-Imħallef Zammit McKeon iddiskuta sfidi urġenti li jħallu impatt fuq l-effettività tal-istituzzjonijiet tal-Ombudsman. Huwa enfasizza r-relazzjoni mal-Parlament, u sostna li n-nuqqas ta’ dibattitu jew azzjoni sostanzjali dwar ir-rapporti tal-Ombudsman ħafna drabi ixekkel l-effettività tagħhom. L-Ombudsman issuġġerixxa li l-Parlament għandu jistabbilixxi proċedura sabiex ir-rapporti jiġu riferuti lill-Kumitati Permanenti xierqa għal azzjoni f’waqtha.
Kwistjoni oħra li ġiet enfasizzata kienet l-isfidi li jinħolqu mid-dipartimenti tal-gvern li ma jikkooperawx li jimpedixxu l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjonijiet. L-Imħallef McKeon saħaq dwar il-ħtieġa għal mekkaniżmi aktar b’saħħithom biex jobbliga l-kooperazzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi.
L-Imħallef Zammit McKeon ġibed l-attenzjoni wkoll għall-opportunitajiet fil-ġejjieni. Huwa enfasizza l-valur tal-kollaborazzjoni bejn l-ombudsmen, NGOs, u entitajiet internazzjonali u r-rwol ta’ promozzjoni li jista’ jkollu l-Ombudsman sabiex itejjeb il-policies u l-prattiċi.
L-Ombudsman ikkonkluda billi saħaq dwar l-importanza tal-indipendenza tal-Ombudsman u l-ħtieġa għal aktar għarfien pubbliku dwar ir-rwol tiegħu. Huwa ħeġġeġ li s-setgħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman għandha toħroġ mill-argumenti ta’ kwalità tal-istituzzjoni, ir-rispett miksub, u l-awtorità morali li din teżerċita.