Skont l-Artikolu 10(4) tal-Att dwar l-Ombudsman tal-1995 (Kapitlu 385 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-Ombudsman, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, ippreżenta l-ewwel Ombudsplan tiegħu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Anġlu Farrugia.
L-Ombudsplan 2024 jelenka l-attivitajiet ippjanati għas-sena d-dieħla u jagħti dettalji dwar l-inizjattivi li se jieħu l-Uffiċċju tal-Ombudsman. L-għan ewlieni tal-Ombudsplan huwa li jressaq talba għall-baġit meħtieġ mill-Parlament, u malli din tiġi approvata mill-Kamra tad-Deputati jingħata l-pakkett finanzjarju mill-Fond Konsolidat.
Dan id-dokument se jkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ladarba jitressaq fil-Parlament wara l-vaganzi tas-sajf. Sussegwentement, l-Ombudsplan ser jiġi diskuss waqt seduta speċjali tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra.