L-Ombudsman Parlamentari l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon ta merħba lill-Ambaxxatur tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal Malta, l-Eċċ. Tiegħu Yu Dunhai, waqt iż-żjara ta’ korteżija fl-Uffiċċju tal-Ombudsman.
L-Ombudsman spjega fid-dettal ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ħidma tiegħu biex jibqa’ jħaddan il-fiduċja pubblika u fil-mod kif jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni. Filwaqt li enfasizza r-rwol tal-Ombudsman bħala medjatur, huwa stqarr li ħafna drabi, il-konflitti bejn il-pubbliku u l-amministrazzjoni jiġu solvuti mingħajr il-ħtieġa ta’ investigazzjonijiet estensivi.
Sa mill-ħatra tiegħu fit-8 ta’ Marzu 2023, l-Ombudsman kien determinat fil-missjoni tiegħu li jagħmel l-Uffiċċju aktar aċċessibbli għall-pubbliku u jsaħħaħ ir-rabtiet mal-partijiet interessati rilevanti. Il-mira kienet illi jinħoloq ambjent fejn il-pubbliku jħossu komdu li jaqsam it-tħassib tiegħu dwar xi kwistjoni li tkun qed tinkwetah u jsressaħ rasu li qed jingħata widen u l-ilment ser jiġi investigat bir-reqqa.
L-Eċċ. Tiegħu Yu Dunhai esprima l-ammirazzjoni tiegħu għar-responsabbiltajiet marbuta mal- Uffiċċju tal-Ombudsman. Huwa irrikonoxxa n-natura esiġenti ta’ din il-funzjoni li minħabba l-ġurisdizzjoni u l-mandat wiesgħa tal-funzjoni tiegħu hija essenzjali għall-avvanz fil-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika.
Aktar diskussjonijiet saħqu dwar is-sinjifikat tat-trasparenza u r-responsabbiltà fid-deċiżjonijiet amministrattivi. L-Ombudsman Zammit McKeon innota illi, anke meta l-ilmenti ma jkunux ġustifikati, in-nies japprezzaw li t-tħassib tagħhom ġie indirizzat u jaslu biex jifhmu r-raġunament fid-deċiżjonijiet amministrattivi meħuda.
L-Ambaxxatur Yu Dunhai enfasizza dwar ir-relazzjoni kordjali li għandhom il-komunitajiet Maltin u Ċiniżi f’Malta, xhieda tal-ħbiberija soda bejn iż-żewġ nazzjonijiet.
Iż-żjara ta’ korteżija pprovdiet opportunità prezzjuża għal djalogu miftuħ, it-tisħiħ tal-fehim reċiproku u t-tisħiħ tal-importanza tar-rwol tal-Ombudsman fil-promozzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika effiċjenti.