L-Ombudsman Parlamentari jiltaqa’ mal-Ambaxxatriċi tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal Malta

L-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, l-Ombudsman Parlamentari, iltaqa’ mal-E.T. Tanja I. Beyer, l-Ambaxxatriċ tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għal Malta. Din il-laqgħa enfasizzat ir-relazzjoni tau is-snin ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi u tat opportunità li jsir skambju produttiv dwar diversi kwistjonijiet amministrattivi u d-drittijiet tal-bniedem.

Waqt li kienet qed tiġi diskussa l-evoluzzjoni tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, l-Imħallef Zammit McKeon irrifletta fuq l-iżviluppi ewlenin li saru mit-twaqqif tiegħu. Fost l-oħrajn, semma l-ħatra ta’ Kummissarji speċjalizzati fl-2012 u l-pass sinifikanti li l-istituzzjoni għandha tittella’ fil-livell ta’ uffiċċju Kostituzzjonali. L-Ombudsman sostna illi wara kważi tletin sena, huwa ż-żmien opportun biex l-istituzzjoni tesplora modi differenti kif jista’ jkollha toroq għal aktar titjib u żvilupp.

Waħda mill-proposti ewlenin tal-Ombudsman hija li l-Uffiċċju jikseb rikonoxximent bħala Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI). Huwa enfasizza li l-Att eżistenti dwar l-Ombudsman, issa li illu numru ta’ snin illi ġie ippromulgat, għandu l-mezzi meħtieġa u jipprovdi pedament sod biex l-Uffiċċju jopera bħala NHRI. Dan l-Att huwa konformi mal-Prinċipji ta’ Pariġi dwar l-indipendenza, il-mandat u l-awtorità.

Is-sistema operattiva tal-uffiċċju, inkluża l-infrastruttura tiegħu, l-istaff b’esperjenza, u l-proċeduri għall-immaniġġjar tal-ilmenti, inklużi dawk li jikkonċernaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, hija adattata sew biex fil-ġejjieni tkun tista’ tiffunzjona bħala NHRI.  B’hekk tuża b’mod effettiv ir-riżorsi eżistenti mingħajr il-ħtieġa ta’ ristrutturar sinifikanti.

Dwar ir-rapporti mressqa fil-Parlament, tal-Ombudsman huwa tal-fehma illi l-Opinjonijiet Finali li jiġu riferuti lill-Kamra tad-Deputati għandhom jiġu assenjati u diskussi minn Kumitat tal-Kamra apposta għal dan il-għan. L-Ispeaker attwali tal-Kamra, l-Onor. Anglu Farrugia, ta l-appoġġ tiegħu biex issir proċess simili bħal dak tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi illi jirrevedi r-rapporti tal-Awditur Ġenerali. Kumitat tal-Kamra dwar l-Amministrazzjoni Pubblika jista’ jixtarr kemm ir-rapporti mressqa mill-Ombudsman, kif ukoll l-Governance Action Reports  miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni. L-Ombudsman qed jimpenja ruħu b’mod attiv maż-żewġ naħat tal-Kamra biex isaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-Uffiċċju tiegħu u l-Kamra tad-Deputati.

L-Ombudsman iddiskuta wkoll ir-rwol tiegħu fil-qasam internazzjonali, partikolarment il-pożizzjonijiet il-ġodda tiegħu fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Istitut Internazzjonali tal-Ombudsman u  dawk fuq il-Bord Dinji kif ukoll dak Reġjonali Ewropew.

Min-naħa tagħha, l-Ambaxxatriċi Beyer tkellmet dwar l-istruttura tal-istituzzjonijiet tal-Ombudsman fil-Ġermanja, li għandhom tendenza li jiffokaw aktar fuq livelli reġjonali u dak ta’ ombudspersons speċjalizzati. Hija nnotat ix-xebh mal-Kumitat Parlamentari tal-Petizzjonijiet tal-Ġermanja fl-investigazzjoni tal-ilmenti u esprimiet interess qawwi fl-inizjattivi u l-ħidma tal-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Malta.

Fit-tmiem tal-laqgħa, l-Ombudsman saħaq li l-Uffiċċju tiegħu huwa miftuħ għal ċittadini Ġermaniżi li joqogħdu jew li jżuru Malta, u saħħaħ l-impenn tiegħu li jaqdi lill-individwi kollha fil-ġurisdizzjoni tiegħu.

Għal din il-laqgħa flimkien mal-Ombudsman kien hemm preżenti s-Sur Paul Borg, Direttur Ġenerali, u s-Sur Jurgen Cassar, Kap tal-Komunikazzjoni u r-Riċerka flimkien mas-Sur Olaf Rieck, Kap tal-Affarijiet Ekonomiċi li akkumpanja lill-Ambaxxatriċi Beyer.

Stqarrijiet