L-OMBUDSMAN PARLAMENTARI JIPPREŻENTA R-RAPPORT ANNWALI 2020 LILL-ISPEAKER TAL-KAMRA

L-Ombudsman Parlamentari, s-Sur Anthony C. Mifsud, ippreżenta r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-2020 lill-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dr Angelo Farrugia.

Ir-Rapport Annwali jiddeskrivi s-sena 2020, bħala s-sena li fiha l-Uffiċċju fakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tal-istituzzjoni tal-Ombudsman f’Malta, u bħala sena ta’ kriżi, sfidi w opportunitajiet li fiha l-Uffiċċju kellu jiffaċċja pandemija globali li fixklet l-mod ta’ ħajja u l-etiċi tax-xogħol fil-pajjiż.

Is-sena 2020 żgur ser tibqa’ mfakkra bħala sena li fiha l-umanità kellha tiffaċċja pandemija globali li kellha u għad għandha impatt kbir fuq il-ħajja tan-nies, il-komunitajiet u l-benesseri ekonomiku tagħhom.  Bħall-bqija tal-amministrazzjoni pubblika l-Uffiċċju tal-Ombudsman kellu jiffaċċja wkoll il-problemi u l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija.

Bħala riżultat dirett tas-sitwazzjoni Covid-19 l-Uffiċċju esperjenza tnaqqis sostanzjali fl-ammont ta’ każijiet ġodda li tressqu meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.  L-Uffiċċju esperjenza wkoll tnaqqis simili fin-numru ta’ talbiet għall-informazzjoni/assistenza li rċieva.

In-numru ta’ każijiet imressqa

Matul l-2020, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva 503 (-15%) ilment li minnhom 245 (-27%) ġew investigati mill-Ombudsman Parlamentari, 106 (2%) ġew investigati mill-Kummissarju għas-Saħħa, 107 (27%) mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u l-bqija tal-każijiet jiġifieri 45 (-34%) ġew investigati mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.  L-Uffiċċju tratta wkoll 498 talba għall- informazzjoni/assistenza, 7% anqas mis-sena ta’ qabel.

Wieħed jista’ jniżżel ir-Rapport Annwali sħiħ minn hawn jew jista’ jikseb kopja mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

 

 

 

 

Stqarrijiet