-Ombudsman u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jiddiskutu diversi suġġetti li jolqtu lill-Kunsilli Lokali f’Malta

L-Ombudsman Parlamentari l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon u l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (LCA), is-Sur Mario Fava, iltaqgħu biex jiddiskutu diversi suġġetti ewlenin li jolqtu lill-kunsilli lokali.

Il-laqgħa bdiet b’ħarsa lejn ir-rwol, il-funzjonijiet u l-għan tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Kemm l-Ombudsman kif ukoll il-President tal-LCA irrikonoxxew li fehim aħjar tal-mandat tal-Uffiċċju jsaħħaħ il-kooperazzjoni u r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ entitajiet.

Ġie esplorat ukoll kif l-Uffiċċju tal-Ombudsman jista’ jservi aħjar lill-kunsilli lokali fil-mod kif jittrattaw mad-dipartimenti tal-gvern. Din id-diskussjoni enfasizzat l-għan reċiproku li jiġu solvuti l-kunflitti u li titrawwem kollaborazzjoni effettiva.

Fid-dikussjoni l-Ombudsman saħaq dwar punt importanti, dak tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman mill-kunsilli lokali u d-dewmien minn ċerti kunsilli lokali fit-tweġibiet tagħhom għal talbiet ta’ informazzjoni.

Iż-żewġ partijiet qablu li jorganizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari għall-kunsilli lokali. Dawn is-sessjonijiet għandhom l-iskop li jżidu l-fehim tar-rwol u l-funzjonijiet tal-Ombudsman, u b’hekk titjieb il-kooperazzjoni.

Stqarrijiet