Parteċipazzjoni fil-Forum Enerġija Nadifa għall-gżejjer tal-UE

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba ipparteċipa  fil-Forum dwar l-Enerġija Nadifa għall-Gżejjer tal-UE organizzat mis-Segretarjat tal-Gżejjer CE4EU li sar f’Pantellerija, l-Italja.   Is-Segretarjat tal-Gżejjer CE4EU mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 b’appoġġ politiku mill-Parlament Ewropew permezz ta’ dikjarazzjoni li ġiet iffirmata minn Malta u 13-il pajjiż ieħor tal-UE.

Dan il-proġett jinsab fit-tielet fażi ta’ implimentazzjoni tiegħu fejn 30 gżira u grupp ta’ gżejjer minn madwar l-Ewropa ġew magħżula biex jagħtu appoġġ sabiex sal-2030 tinkiseb provvista ta’ enerġija kompletament rinnovabbli.  Bħala waħda minn dawn it-30 gżira, Pantelleria hija xhieda ta’ suċċess b’sistema ta’ enerġija ibrida sostnuta b’installazzjoni ta’ ħażna tal-batteriji u farm solari li jinsab fil-proċess li jiġi estiż aktar.  Minkejja popolazzjoni żgħira ta’ 7,000 ruħ u b’daqs simili għal Għawdex, Pantellerija u Malta għandhom karatteristiċi meteoroloġiċi u ġeografiċi simili ħafna u ż-żewġ ekonomiji tagħhom jiddependu ferm mit-turiżmu.

Ħafna mill-2,200 gżira ewropea u l-20 miljun persuna li jgħixu fuq dawn il-gżejjer jiddependu fuq fjuwils mill-fossili għaljin u l-importazzjonijiet tal-enerġija għall-provvista tal-enerġija tagħhom minkejja li għandhom aċċess għal sorsi rinnovabbli estensivi ta’ enerġija solari, mir-riħ u mill-mewġ.  Is-Segretarjat tal-Gżejjer EU4EU qed jassisti lill-gżejjer tal-UE fit-tfassil, it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni għas-sistemi tal-enerġija tagħhom.

F’Pantellerija l-Kummissarju attenda wkoll workshop bl-isem “Impacts from onshore and offshore wind energy” li enfasizza d-diversi sfidi li jiltaqgħu magħhom il-gżejjer tal-UE, partikolarment Malta la għandha popolazzjoni b’densità għolja u hija mdawwra b’ibħra fondi sostanzjalment.  L-informazzjoni dwar teknoloġiji ġodda u l-ispejjeż enormi tal-farms tar-riħ offshore meta mqabbla mal-ispejjeż tat-teknoloġiji tar-riħ fuq l-art għandhom ibiddlu l-prijoritajiet ta’ Malta lejn l-esplorazzjoni ta’ installazzjonijiet tar-riħ fuq l-art barra mit-territorju tagħha partikolarment issa li l-konnessjoni tal-grid mal-Ewropa kontinentali se tibbenefika mit-tieni interconnector.

F’Settembru 2024 is-Segretarjat CE4EU se joħroġ sejħa għal gżejjer oħra ġodda sabiex ikompli jibni fuq l-inizjattiva tat-30 gżira għall-2030, u jrawwem għajnuna teknika u għarfien fi gżejjer oħra tal-UE wkoll.   Għalkemm hija sfida kbira mhux ftit jekk mhux kważi impossibbli għal Malta u Għawdex li sal-2040 jiksbu n-newtralità tal-karbonju, il-proposta ta’ inizjattiva simili għal proġett fuq gżira li hemm maħsub tista’ tkun ta’ opportunità kbira biex jiġi stabbilit benchmark project dwar kif tista’ tinkiseb in-newtralità tal-karbonju filwaqt li tixpruna s-sehem ta’ Malta fl-enerġija rinnovabbli.  Il-gżira Manoel hija gżira fi ħdan gżira, li tinsab fil-port u għandha wirt storiku vast li joffri ambjent mill-aqwa fejn wieħed jista’ jitgħallem u jqabbel modi kif ir-riżorsi naturali u l-enerġija nadifa kienu mħaddma b’suċċess mill-antenati tagħna.  L-Uffiċċju tal-Ombudsman joffri l-appoġġ sħiħ tiegħu fl-implimentazzjoni ta’ strateġija bħal din, mhux biss biex titnaqqas id-domanda għall-enerġija fi proġett bħal dan permezz ta’ bini li jikkonsma enerġija mill-inqas u miżuri għal mobilità intelliġenti, iżda wkoll bl-introduzzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli għall-produzzjoni tal-enerġija fuq il-post.

Stqarrijiet