Skont l-Artiklu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, bagħtu l-Opinjoni Finali lill-Kamra tad-Deputati dwar xogħlijiet li kienu jikkonsistu fl-estensjoni ta’ bankina li tisporġi għal fuq spazji ta’ parkeġġ pubbliku quddiem il-Klabb tal-Futbol tas-Siġġiewi.
Il-każ fil-qosor
Matul l-investigazzjoni l-Kummissarju sab li din l-estensjoni tal-bankina saret wara li l-Aġenzija Infrastruttura Malta kisbet l-awtorizzazzjonijiet neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar, minn Transport Malta u mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Madankollu, waqt din l-investigazzjoni irriżulta li kien biss is-Sindku waħdu li ma sabx oġġezzjoni mingħajr ma ġew segwiti l-proċeduri normali tal-Gvern Lokali, u b’hekk mhux konformi mal-Att dwar il-Gvern Lokali. Is-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv ma tawx raġunijiet xierqa għaliex ma ġewx segwiti l-proċeduri stabbiliti.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Il-Kummissarju ikkonkluda illi s-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wettqu att ta’ amministrazzjoni ħażina meta x-xogħlijiet għall-estensjoni tal-bankina inkwistjoni ma sarux fl-interess tar-residenti u din l-azzjoni kienet ukoll tmur kontra l-prinċipji primarji tal-Att dwar il-Gvern Lokali. Il-Kummissarju irrakkomanda t-tneħħija ta’ din l-estensjoni tal-bankina bi spejjeż tas-Sindku u s-Segretarju Eżekuttiv.
L-eżitu
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ma implimentax ir-rakkomandazzjoni fl-Opinjoni Finali tal-Kummissarju u l-każ ġie riferut lill-Prim Ministru u lill-Kamra tad-Deputati.
Dokumenti
22.12.22 – Reazzjoni mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi
14.12.22 – Ittra mill-Prim Ministru
23.01.23 – Ittra lill-iSpeaker
Każijiet fil-qosor