Rakkomandazzjoni mhux implimentata: investigazzjoni dwar ilment li jallega li ġie aċċettat żvilupp irregolari f’San Ġiljan

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, ippreżentaw l-Opinjoni Finali lill-Kamra tad-Deputati bl-investigazzjoni dwar ilment li jallega li ġie aċċettat żvilupp irregolari  f’San Ġiljan.

Il-każ fil-qosor

L-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ilment kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) dwar Avviż li jinnofika  Żvilupp għal kaxxa tal-ATM/booth f’San Ġiljan.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar beda l-investigazzjoni tiegħu billi talab lill-PA jekk l-awtorità kienitx qieset li  l-kostruzzjonijiet ta’ dawn il-kaxxi tal-bank fil-livell tat-triq kienux jeħtieġu xi xogħlijiet taħt il-livell tat-triq, l-aktar minħabba li s-sit jinsab fix-xatt u f’livell elevat mal-promenade. Fir-rigward tal-mistoqsija dwar il-leġislazzjoni sussidjarja, il-PA stqarret li l-Awtorità ma evalwatx il-proposta kontra Leġislazzjoni Sussidjarja 552.08 Klassi 4(iii) peress li l-proposta ma taqax taħt dik il-kategorija ta’ żvilupp iżda taħt Klassi 4(ii). Fi kjarifika aktar tard, il-PA iċċarat li l-iżvilupp kien qed jiġi ikkunsidrat kemm għall-Klassi 4(ii) kif ukoll għall-Klassi 4(iii), liema kunsiderazzjoni tikkontradixxi l-komunikazzjoni preċedenti mill-PA.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Mill-investigazzjoni, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ikkonkluda li l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Awtorità tal-Ippjanar li approvat b’mod irregolari l-iżvilupp f’San Ġiljan instab li huma ġustifikati peress li l-kaxxa approvata hija tliet darbiet id-daqs dak li huwa permess fl-Ordni ta’ Notifika ta’ Żvilupp.

Il-Kummissarju irrakkomanda li l-PA timplimenta l-Artikolu 80 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u tirrevoka l-permess fil-kwistjoni minħabba in-nuqqasijiet imsemmija u minħabba s-sottomissjoni ta’ pjanta (taqsima/parti minnha) li ma tirriflettix is-sitwazzjoni fuq il-post. Ġie irrakkomandat ukoll li l-PA tieħu azzjoni ta’ infurzar kontra kostruzzjonijiet mhux permessi taħt il-livell tat-triq u ‘l fuq mil-livell tal-art eżistenti.

L-eżitu

L-Awtorità tal-Ippjanar ma kellha ebda reazzjoni għall-Opinjoni Finali maħruġa mill-Uffiċċju tal-Ombudsman u ma implimentatx ir-rakkomandazzjonijiet magħmula/mogħtija mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar. Għalhekk, il-Kummissarju informa lill-Prim Ministru u r-rapport intbagħat lill-Parlament.

03.10.22 – Opinjoni Finali

14.11.22 – Ittra lill-Prim Ministru

11.01.23 – Ittra lill-iSpeaker

Stqarrijiet