Rakkomandazzjoni mhux implimentata: L-Ombudsman isib li saret inġustizzja ma’ Uffiċjal tal-Pulizija li ġie miċħud l-għoti tal-Midalja għal Servizz twil u Effiċjenti

Rakkomandazzjoni mhux implimentata: L-Ombudsman isib li saret inġustizzja ma’ Uffiċjal tal-Pulizija li ġie miċħud l-għoti tal-Midalja għal Servizz twil u Effiċjenti

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman Parlamentari, l-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon, bagħat l-Opinjoni Finali tiegħu lill-Kamra tad-Deputati dwar uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta li ma ngħatax il-Midalja għal Servizz twil u Effiċjenti wara li  ta servizz twil u diliġenti.

L-ilment

Il-persuna li ressaq l-ilment, sostna illi ma ngħatax il-Midalja għal Servizz twil u Effiċjenti wara li ta servizz ta’ kważi tlieta u tletin sena mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, kemm bħala pulizija regolari kif ukoll bħala riżserva. Hu saħaq li s-servizz ħabrieki u dedikat tiegħu, inkluż li wara li wasal għall-irtirar mis-servizz, volontarjament serva bħala Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riżerva, iġġustifika l-għoti tal-midalja u l-clasps tagħha.

L-investigazzjoni

L-investigazzjoni wriet li l-midalja tingħata għal total ta’ 18-il sena ta’ servizz effiċjenti b’karattru u kondotta impekkabbli, u l-clasps jiġu mogħtija għal servizz addizzjonali. Il-Ministeru għall-Intern u l-Kummissarju tal-Pulizija ċaħdu l-midalja, u semmew sitt reati dixxiplinarji li tweqqu mill-uffiċjal li ressaq l-ilment,  bl-aħħar reat seħħ fl-1998. Sostnew li skont il-kriterji tagħhom, iridu jgħaddu għaxar snin mingħajr aktar reati biex wieħed jikkwalifika għall-midalja, u minn meta dan l-uffiċjal irtira fl-2001 kienu għaddew biss tliet snin. Il-Ministeru stqarr ukoll li ż-żmien li wieħed iservi bħala Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riżerva ma jitqiesx li jgħodd għall-għoti tal-midalja.

L-Ombudsman innota r-rikonoxximent tal-Ministeru għar-rwol u d-dmirijiet sinifikanti mwettqa mill-Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riżerva, li huwa komparabbli ma’ dak ta’ uffiċjali regolari. Stqarrijiet pubbliċi kemm mill-Ministeru kif ukoll mill-Kummissarju tal-Pulizija kienu juru l-valur u l-kontribuzzjonijiet tal-Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riżerva.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

L-Ombudsman ikkonkluda li s-servizz totali ta’ dan l-uffiċjal li ressaq l-ilment, b’kollox kien jammonta għal aktar minn tnejn u tletin sena meta jingħaddu l-perjodi fis-servizz regolari u dak ta’ riżerva. Minħabba li kienu għaddew aktar minn għaxar snin mill-aħħar reat dixxiplinarju tiegħu sa tmiem is-servizz tiegħu fl-2022, huwa laħaq il-kriterji għall-midalja. In-nuqqas ta’ ħajra li jiġi rikonoxxut is-servizz ta’ riżerva tiegħu kien meqjus bħala azzjoni inġusta, speċjalment fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi rigward l-importanza u l-ekwivalenza tad-dmirijiet tal-Kuntistabbli tal-Pulizija ta’ Riżerva.

L-Ombudsman irrakkomanda li s-servizz totali tal-uffiċjali li ressaq l-ilment għandu jiġi rikonoxxut u l-Kummissarju tal-Pulizija jerġa’ jivvaluta l-eliġibilità tiegħu għall-Midalja għal Servizz twil u Effiċjenti u l-clasps tagħha. Iċ-ċaħda milli jingħataw id-dekorazzjonijiet tqieset bħala inġustizzja u s-servizz ta’ dan l-individwu għandu jiġi rikonoxxut b’mod xieraq.

L-eżitu

Il-Ministeru ma’ qabilx mal-konklużjoni li min ressaq l-ilment sofra inġustizzja. Huwa enfasizza li l-ingaġġ tal-Uffiċjali tal-Pulizija ta’ Riżerva (RPCs) ivarja b’mod sinifikanti minn dak tal-uffiċjali tal-pulizija regolari. L-RPCs jirċievu pensjoni tas-servizz matul il-mandat tagħhom, li ma tapplikax għal uffiċjali regolari, u s-servizz tagħhom mhuwiex pensjonabbli. Barra minn hekk l-RPCs mhumiex meqjusa bħala uffiċjali tal-pulizija f’kull ħin u s-setgħat tagħhom jieqfu malli jintemmu d-dmirijiet li jiġu assenjati lilhom. Il-Ministeru enfasizza li l-RPCs jaħdmu sigħat li jvarjaw skont il-ħtiġijiet tal-forza dixxiplinarja u li s-servizz tagħhom m’għandux ikun ugwali għal dak ta’ uffiċjali regolari.

Il-Ministeru nnota wkoll li l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni tar-Regoli dwar Unuri, Għotjiet u Dekorazzjonijiet ma jaqgħux fil-kompetenza tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u huma determinati mill-President ta’ Malta fuq parir tal-Prim Ministru. Konsegwentement, informa lill-Ombudsman illi b’dispjaċir dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma setgħux jiġu implimentati.

Għalhekk, peress li r-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati, l-Ombudsman skont il-liġi talab l-intervent dirett tal-Prim Ministru. Madankollu, peress li ma sar xejn dwar it-talba li saret lill-Prim Ministru, l-Ombudsman bagħat ir-rapport lill-Ispeaker tal-Kamra, li min-naħa tiegħu ressaqha fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati.

Stqarrijiet