Rakkomandazzjoni mhux implimentata: student jilmenta li l-Università ta’ Malta trattatu b’mod inġust fl-eżami u fil-grad li ngħata għad-dissertazzjoni tiegħu

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Prim Imħallef Emeritus Vincent A. De Gaetano, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali dwar ilment imressaq minn student matur reġistrat mal-Istitut tal-Gżejjer u Stati Żgħar tal-Università ta’ Malta. Huwa lmenta li kien ġie trattat b’mod inġust waqt l-eżami u fil-grad li ngħata għad-dissertazzjoni tiegħu.

Il-Każ fil-Qosor

L-individwu li ressaq l-ilment allega li kien trattat b’mod inġust fl-eżami u fil-grad li ngħata għad-dissertazzjoni tiegħu; barra minn hekk, saħaq li l-awtoritajiet tal-Università wrew aġir patronizzanti fil-konfront tiegħu. Ilmenta wkoll dwar dik li hu jsejjaħ “negliġenza volontarja” min-naħa tal-Università (permezz tal-Istitut), partikolarment fil-kompożizzjoni tal-bord li eventwalment eżamina d-dissertazzjoni tiegħu u li, billi fir-rigward ta’ dik id-dissertazzjoni ngħata marka baxxa ħafna meta mqabbla mal-marki l-oħra li kien kiseb qabel għall-komponenti oħra tal-kors, irriżultaw f’marka ġenerali ta’ grad baxx għall-lawrja ta’ Master tiegħu.

Kif tenna ħafna drabi l-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Opinjonijiet u fl-Ittri tal-Għeluq tiegħu, mhix il-funzjoni tiegħu li jerġa’ jeżamina l-gradi jew il-marki mogħtija lill-istudenti, iżda biss li jiżgura li, fil-proċess li jwassal għal dak il-grad jew marki miksuba, ma kienx hemm element ta’ amministrazzjoni ħażina kif stabbilit fl-Artikolu 22(1) u (2) tal-Att dwar l-Ombudsman (Kap. 385) flimkien mal-Artikolu 13(1).

Fl-opinjoni meqjusa tal-Kummissarju, id-dissertazzjoni tal-persuna li ilmentat  kienet destinata għal eżitu ħażin mill-bidu nett, jiġifieri mill-mument li s-Senat approva l-Bord tal-Eżaminaturi fuq rakkomandazzjoni tal-Istitut. Id-dissertazzjoni tal-persuna li ilmentat kellha komponent qawwi ta’ arti etnomużikoloġika u performattiva, iżda wieħed biss mit-tliet eżaminaturi maħtura biex jeżaminaw id-dissertazzjoni tiegħu kellu xi kompetenza f’dawn il-komponenti.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni ikkonkluda li l-kompożizzjoni tal-bord maħtur biex jeżamina d-dissertazzjoni tal-persuna li ilmentat kienet żbaljata fil-prinċipju u inġusta, u dan irriżulta fi preġudizzju ab initio għall-proċess tal-eżami u l-klassifikazzjoni u  għar-riżultat finali.

Il-Kummissarju irrakkomanda li l-Bord tal-Eżaminaturi jiġi rikostitwit mill-ġdid minn persuni b’kompetenza xierqa li mbagħad jerġgħu jevalwaw id-dissertazzjoni in kwistjoni fl-intier tagħha.

L-eżitu

L-Università ta’ Malta infurmat lill-Kummissarju għall-Edukazzjoni li mhux se timplimenta r-rakkomandazzjoni tiegħu.

L-Ombudsman u l-Kummissarju ressqu l-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru. Peress li ma ttieħdet l-ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport għall-attenzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

Dokumenti:

04.03.2022 – Opinjoni Finali

01.04.2022 – Tweġiba mill-Università ta’ Malta

06.04.2022 – Tweġiba għall-ittra mill-Università ta’ Malta

06.04.2022 – Ittra lill-Prim Ministru

06.04.2022 – Ittra lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati

Stqarrijiet
Uncategorized @mt