Rakkomandazzjoni sabiex jiġu riveduti l-proċeduri ta’ xiri tal-mediċini

L-ilment

F’artiklu tas-7 ta’ Novembru 2012 it-Times kwotat studju maħruġ mill-Health Consumer Powerhouse fl-Isvezja, fejn ġie irrapportat illi Malta tikklassifika ħażin ħafna fl-istudju tal-Epatite (Hepititis) fl-Unjoni Ewropea,  kif ukoll illi hija kważi ineżistenti l-istrateġija nazzjonali li tat riżultati insinifikanti.  Ir-rapport ikompli jgħid illi jidher ċar illi f’Malta l-Epatite m’hijiex meqjusa bħala prijorita`.

L-Epatite B u Ċ kienu ġew inklużi fil-lista riveduta tal-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta` Soċjali fi Frar tal-2012 u b’hekk il-pazjenti ngħataw id-dritt illi jirċievu l-mediċini b’xejn.  Skont l-Avviż Legali Numru 58 tal-2009 Artiklu 2(1) “L-għan ewlieni ta’ dawn ir-regolamenti huwa l-promozzjoni tas-saħħa pubblika billi jiġi żgurat li jkun hemm disponibbli provvista adegwata ta’ prodotti mediċinali bi prezz raġonevoli fis-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern”.

Wara li ikkunsidra dan l-imsemmi rapport u l-ittri ippubblikati fil-ġurnali lokali mibgħuta mill-pazjenti, l-Kummissarju għas-Saħħa deherlu li kellu jintervjeni u jinvestiga s-sitwazzjoni.

Il-fatti li jirriżultaw

Il-Kummissarju kiteb lill-Uffiċjal Mediku Ewlieni fid-Dipartiment tas-Saħħa u talab li jiġi mgħarraf bl-azzjoni li kienet qiegħda tittieħed sabiex jkun hemm il-provvista tal-mediċini li jikkuraw l-Epatite B u Ċ.

Fit-tweġiba għall-ittra tal-Kummissarju l-Uffiċjal Mediku Ewlieni qalet illi l-Health Technlogical Assessments fuq dawn il-mediċini partikolari kienu saru.  Dawn it-testijiet issa kienu ser jiġu ippreżentati u evalwati mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Lista Formularja tal-Gvern.  L-Uffiċjal Mediku Ewlieni spjegat ukoll illi xiri ta’ dawn il-mediċini jibda’ hekk kif dan il-kumitat jirrakkomanda illi jdaħħal din il-kura fil-Lista Formularja tal-Gvern.

Il-Kummissarju kellu r-riservi dwar il-proċess adottat għall-akkwist tal-mediċini li skont l-Uffiċjal Mediku Ewlieni seta’ biss jinbeda wara r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Lista Formularja tal-Gvern.  Huwa kien tal-fehma illi meta l-Gvern jiddeċiedi illi ser jinkludi marda jew kondizzjoni fil-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta` Soċjali, l-awtorizzazzjoni minn naħa tal-Kumitat Konsultattiv kellha tinġieb qabel ma joħroġ l-Avviż Legali.

B’risposta għal din il-kwistjoni l-Uffiċjal Mediku Ewlieni spjegat illi ma setax jsir il-proċess kif ġie issuġġerit minn naħa tal-Kummissarju, dan għaliex ir-Regolament 7(a) tat-Tieni Skeda tal-Avviż Legali Numru 58 tal-2009 ma kienx jippermetti tali proċedura.

Rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissarju imbagħad kiteb lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u irrakkomanda illi issir emenda fil-proċedura b’mod illi l-approvazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Lista Formularja tal-Gvern tingħata qabel ma joħroġ l-Avviż Legali.

B’hekk kien jiġi eliminat ir-riskju illi l-Kumitat Konsultattiv dwar il-Lista Formularja tal-Gvern seta’ jiddeċiedi illi ma jirrakkomandax li dik il-mediċini tiġi inkluża fil-Lista Formularja tal-Gvern wara li l-Gvern ikun ikkommetta ruħu bil-ħruġ tal-Avviż Legali.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, spjega illi għalkemm l-Avviż Legali Numru 58 tal-2009 għadu jirreferi għas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, r-responsabbiltajiet kienu maqsuma bejnu u bejn l-Uffiċjal Mediku Ewlieni.  Is-Supretendent spjega ukoll illi r-responsabbilta` ta’ min hu ntitolat għall-mediċini u liema mediċini għandhom jiġu miżjuda fil-Lista Formularja tal-Gvern jaqgħu taħt ir-responsabilita l-Uffiċjal Mediku Ewlieni.

Is-Supretendent spjega illi għalkemm hu ma huwiex direttament responsabbli għall-proċedura adottata, tajjeb li wieħed jifhem illi jeżistu żewġ proċeduri separati u distinti sabiex; 1) marda jew kondizzjoni tidħol fl-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta` Soċjali; u  2) mediċina ġdida titniżżel fil-Lista Formularja tal-Gvern.  Huwa kompla jispjega illi din tal-aħħar tinvolvi li mediċina partikolari li tintuża għall-kura ta’ kondizzjoni jew kondizzjonijiet tiġi approvata u b’hekk tkun disponibbli illi tingħata lill-pazjenti b’xejn.  Għal din ir-raġuni huwa tal-opinjoni illi l-proċess għandu jibqa’ kif inhu miexi bħalissa fuq żewġ binarji separati.

Biex jissostanzja l-argument tiegħu, s-Supretendent ikkwota Regolament 7(a) tat-Tieni Skeda tal-Avviż Legali Numru 58 tal-2009 li tgħid – “Jedd għal mediċini li jingħataw b’xejn għandu jkun kif speċifikat fl-Att dwar is-Sigurta` Soċjali, Kap.318, artikolu 23 u fil-Ħames Skeda Taqsima II li tinsab ma’ l-istess Att dwar Mard u Kondizzjonijiet li dwarhom tista’ tingħata Għajnuna Medika Bla Ħlas, kif ukoll prodotti mediċinali meħtieġa għall-għoti ta’ kura f’Istituzzjonijiet tal-Gvern.  Prodott mediċinali jew kategorija ta’ prodotti mediċinali biex jiġu ikkurati mardiet li ma jinkwadrawx fl-iskop tas-Servizzi tas-Saħħa tal-Gvern jistgħu jiġu għalkollox esklużi mil-Lista Formularja tal-Gvern”.

L-interpretazzjoni tar-regola ikkwotata mis-Supretendent hija illi sabiex mediċina tiddaħħal fil-Lista Formularja tal-Gvern ma tiddependix mill-Ħames Skeda tal-Att dwar is-Sigurta`  Soċjali.  Tiddependi biss mill-fatt jekk il-pazjent huwiex intitolat li tingħatalu b’xejn.  Huwa qal ukoll illi r-regolament innifsu jgħid illi l-ħtieġa għall-użu ta’ prodott mediku bħala parti mill-kura fl-istituzzjonijiet tal-Gvern huwa ukoll kriterju li jiġi ikkunsidrat mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Lista Formularja tal-Gvern.  Is-Supretendent tenna illi hemm ħafna mediċini li jinsabu fil-formularju u li jintużaw mill-isptar fil-kura ta’ kondizzjonijiet/mard li m’humiex imniżżla fil-Ħames Skeda u li jekk pazjent jintbagħat id-dar fuq din il-kura, l-pazjent ikollu jixtriha minn butu.

Is-Supretendent ikkonkluda illi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju tista’ biss tiġi ikkunsidrata f’ċirkostanzi fejn jkun hemm kondizzjoni partikolari illi tista’ tiġi ikkurata biss bl-uniku prodott mediċinali illi jinsab fis-suq.

Minn meta ħareġ l-Avviż Legali li jemenda l-Att dwar is-Sigurta` Soċjali sabiex tiġi inkluża l-kura tal-Epatite B u Ċ fil-lista riveduta tal-Ħames Skeda, għaddiet sena u għadu mhux mibdi il-proċess sabiex ikun hemm xiri tal-mediċini rilevanti.  Dwar dan, il-Kummissarju għas-Saħħa kiteb lill-Kap Eżekuttiv tas-Central Procurement and Supplies Unit u staqsa jekk inbediex il-proċess għall-provvisti meħtieġa.

Il-Kap Eżekuttiv tas-Central Procurement and Supplies Unit ikkonferma illi l-mediċini mhumiex disponibbli u l-proċess jista’ jibda biss meta jkun hemm il-fondi neċessarji.

Konklużjonijiet

Il-Kummissarju ikkomunika l-konklużjonijiet tiegħu lill-Uffiċjal Mediku Ewlieni wara li kien sar skambju ta’ korrispondenza mal-istess uffiċjal, mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-Kap Eżekuttiv tas-Central Procurement and Supplies Unit.  Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Kummissarju spjega illi wara li huwa ikkonsulta mal-Ombudsman Parlamentari u mal-Konsulent fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, ilkoll qablu illi l-Avviż Legali Numru 58/2009, Skeda II, Regolament 7(a), ma teskludi bl-ebda mod lid-Dipartiment milli jieħu l-azzjoni neċessarja sabiex ikollu l-approvazzjoni qabel ma jiġi ippubblikat l-Avviż Legali fejn jitħabbar li ċerti mard/kondizzjonijiet jkunu żdiedu fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda fl-Att dwar is-Sigurta` Soċjali.

Ladarba jiġi ippubblikat l-Avviż Legali, l-pubbliku bir-raġun  jippretendi illi jibda jingħata l-mediċina meħtieġa b’xejn.  Il-Kummissarju qal illi l-Avviż Legali li huwa fis-seħħ għandu s-saħħa tal-liġi u d-Dipartiment tas-Saħħa huwa obbligat bil-liġi illi josserva b’mod strett il-provvedimenti tal-istess avviż.

B’dan il-każ meħud bħala eżempju, il-Kummissarju wera illi s-sistemi adottati m’humiex adegwati.  Meta wieħed iqis illi l-Avviż Legali li fih iddaħħlu l-Epatite B u Ċ fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda kien ippubblikat f’Marzu tal-2012, u aktar minn sena wara, kien għad lanqas biss ħareġ id-dokument għas-sejħa għall-offerti biex dawn il-mediċini jkunu disponibbli.

Għalhekk il-Kummissarju irrakkomanda illi meta d-Dipartiment tas-Saħħa jieħu d-deċiżjoni illi marda jew kondizzjoni titniżżel fl-Ħames Skeda, u jekk il-mediċini għal din il-kondizzjoni partikolari jkunu għandhom mhux miżjuda fil-formularju, jeħtieġ illi jkun hemm l-approvazzjoni meħtieġa qabel ma joħroġ l-Avviż Legali illi jħabbar illi l-mard jew kondizzjonijiet ikunu ġew inklużi.

Il-Kummissarju spjega illi jekk ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu jingħataw widen, id-Dipartiment jkun jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jixtri l-mediċinali meħtieġa għal mard addizzjonali.

L-eżitu

Il-Kummissarju ikkomunika r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Uffiċjal Mediku Ewlieni u baqa’ jsegwi l-kwistjoni mas- Central Procurement and Supplies Unit u sal-lum il-mediċini għall-kura tal-Epatite B u Ċ għadhom m’humiex disponibbli.

Għal din ir-raġuni l-Kummissarju bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa.  Il-Kummissarju ġibed l-attenzjoni illi għalkemm kienu għaddew dsatax –il xahar minn meta ħareġ l-Avviż Legali kienet għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex ikollu dawn il-mediċini disponibbli probabbilment minħabba nuqqas ta’ fondi finanzjarji.  Il-Kummissarju tenna illi dan l-aġir huwa kontra l-liġi u din il-problema għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis.

Każijiet fil-qosor