Rakkomandazzjonijiet mhux aċċettati fl-intier tagħhom: trattament mhux xieraq waqt intervista għal borża ta’ studju

L-Ombudsman is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Prim Imħallef Emeritus Vincent A. De Gaetano, skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali dwar ilment imressaq minn gradwata fit-Teoloġija li allegat li kienet ġiet trattata b’mod mhux xieraq waqt intervista għal borża ta’ studju.

Il-każ fil-qosor

Il-persuna li ilmentat applikat għal Borża ta’ Studju Endeavour biex tagħmel kors ta’ sena (2020-2021) fl-Università Kattolika ta’ Leuven u ġiet aċċettata minn dik l-università. L-intervista saret online, l-applikanta ma għaddietx u kisbet marka ta’ “fail” f’din l-intervista.

Il-persuna li ilmentat appellat quddiem il-Bord tal-Appelli għal Boroż ta’ Studju. Essenzjalment, hija ilmentat li ma ngħatatx smigħ xieraq u dan kemm għal raġunijiet marbuta mal-apprezzament tal-esperjenza tax-xogħol tagħha u tal-istudji proposti, kif ukoll għal raġunijiet konnessi mal-mod kif tmexxiet l-intervista. Il-Bord tal-Appell għal Boroż ta’ Studju sostna li ma kellu l-ebda kompetenza li jissostitwixxi l-ġudizzju tiegħu għal dak magħmul mill-Bord tal-Iskema għal Boroż ta’ Studju ta’ Endeavour rigward il-kriterji li fuqhom jiġi evalwat l-applikant.

Wara investigazzjoni bir-reqqa, il-Kummissarju laqa’ l-ilment biss dwar il-fatt li ntqal kliem u għaddew kummenti minn membru tal-bord tal-intervisti, li bir-raġun dejjaq lill-persuna li ilmentat. Il-Kummissarju irrakkomanda li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jfassal Kodiċi ta’ Kondotta qasir jew sett ta’ Linji Gwida għall-membri tal-bordijiet tal-intervisti għal boroż ta’ studju u għotjiet simili, li jiffokaw b’mod partikolari fuq il-mod kif isiru l-intervisti. Il-Kummissarju irrakkomanda wkoll li kull intervista, kemm jekk issir online jew personalment, għandha tiġi rreġistrata bil-kunsens tal-persuna intervistata. Tali rekord għandu jinżamm għal żmien li jiġi determinat minn qabel u li jkun meqjus biżżejjed għall-finjiet ta’ proċeduri ta’ reviżjoni interna.

L-eżitu

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, permezz ta’ ittra datata 10 ta’ Diċembru 2021, filwaqt li aċċetta l-ewwel minn żewġ rakkomandazzjonijiet li saru minn dan l-Uffiċċju, għarraf lill-Kummissarju li ma kienx ser jimplimenta t-tieni rakkomandazzjoni tiegħu.

Ma ngħataw ebda raġunijiet għaliex it-tieni rakkomandazzjoni ġiet miċħuda. Fis-27 ta’ Diċembru 2021, l-Ombudsman u l-Kummissarju ressqu il-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru. Peress li ma ttieħdet ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport lill-Kamra tad-Deputati.

Dokumenti

03.11.21 – Opinjoni Finali

10.12.21 – Tweġiba tas-Segretarju Permanenti

27.12.21 – Ittra lill-Prim Ministru

21.01.22 – Ittra lill-iSpeaker

Artikli
Stqarrijiet
Uncategorized @mt