Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati: Diskriminazzjoni mhux xierqa fil-ħlas tal-allowance għall-kwalifiki

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Edukazzjoni bagħtu l-Opinjoni Finali tal-Kummissarju lill-Kamra tad-Deputati dwar ilment imressaq minn għalliema. L-ilment iffoka fuq sitwazzjoni inġusta li iffaċċjat l-għalliema wara li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni bidel il-prattika li kienet diġà fis-seħħ meta hija bdiet il-kors universitarju tagħha fil-qari tal-provi tal-Malti.

Il-każ fil-qosor

Il-persuna li ilmentat, hija għalliema tal-Malti fl-iskola sekondarja, gradwata b’Master’s degree. Ftit snin wara, temmet b’suċċess kors tal-Livell 5 tal-MQF fil-qari tal-provi tal-Malti. Qabel ma bdiet dan il-kors, hija rċeviet assigurazzjoni verbali minn uffiċjali fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li jekk ittemm dan il-kors b’suċċess, kienet ser tirċievi l-“Qualification Allowance” mogħtija lil għalliema oħra f’sitwazzjonijiet analogi. Madankollu, wara li temmet il-kors, ġiet infurmata li l-manwal rilevanti li jirregola dawn l-allowances ma kienx jintitolaha għal din l-allowance.

Meta investiga l-każ, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni nnota li l-Manwal tal-Allowances ma kienx qed jiġi osservat b’mod strett mid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni meta l-persuna li ilmentat bdiet il-kors tagħha tal-qari tal-provi. Barra minn hekk, instab li mill-inqas 175 persuna oħra f’pożizzjoni analoga (u għalhekk mhux neċessarjament identika) għal dik tal-għalliema— dawk bi kwalifika MQF Livell 5 (kwalifika ta’ undergraduate) — kienu, u wieħed jissaponi li għadhom, qed jitħallsu l-allowance għall-kwalifika.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni ikkonkluda li d-deċiżjoni meħuda fl-2020 li tirrifjuta “allowance ta’ kwalifika tal-MQF Livell 5 [fejn l-applikant] kien jeħtieġ kwalifika ta’ livell MQF ogħla” ħolqot diskriminazzjoni mhux xierqa u ċara fil-konfront tal-persuna li ilmentat, li fi kwalunkwe każ kienet bdiet il-kors tagħha qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni ġenerali mid-Direttorat tar-Riżorsi Umani.

L-eżitu

Minkejja l-komunikazzjoni ta’ Opinjoni Interim fis-7 ta’ Diċembru 2022, l-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti ma ngħatat mill-Ministeru responsabbli għall-edukazzjoni dwar il-fatt kif id-diskriminazzjoni, f’dan il-każ, m’għandhiex titqies bħala “mhux xierqa”. L-Opinjoni Finali ntbagħtet lill-Ministeru fit-3 ta’ April, 2023. L-Ombudsman u l-Kummissarju ressqu l-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru fid-29 ta’ Mejju 2023. Peress li jidher li ma ttieħdet l-ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju għaddew ir-rapport lill-Kamra tad-Deputati għall-kunsiderazzjoni tagħha.

Dokumenti

03.04.23 – Opinjoni Finali

29.05.23 – Ittral lill-Onor. Prim Ministru

10.07.23 – Ittra lill-Mr Speaker

Stqarrijiet