Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati: Ilment dwar ħsarat li ġarrbu l-karozzi minħabba għargħar mill-ilma baħar f’Birżebbuġa

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar,il-Perit Alan Saliba, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali b’rabta ma’ ilment dwar ħsarat li ġarrbu l-karozzi minħabba għargħar mill-ilma baħar f’Birżebbuġa.

Il-każ fil-qosor

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar intalab jinvestiga ż-żona tal-Bajja ta’ San Ġorġ li esperjenzat għargħar ta’ ilma baħar għal aktar minn għaxar snin minħabba l-marea għolja (high tide) u li l-awtoritajiet ma ħadu l-ebda miżuri u taw parir biex jintużaw rotot alternattivi.

L-investigazzjoni fliet bir-reqqa jekk Transport Malta jew xi entità oħra hijiex responsabbli għad-danni materjali mġarrba minn persuni privati ​​iżda biss dwar il-kwistjoni jekk Transport Malta, jew xi entità oħra, hijiex responsabbli li twieġeb għal din it-talba u mhux taġixxi billi sempliċement tirreferi lil min ikun ilmenta lil xi entità oħra.

Il-Kummissarju irrakkomanda li Transport Malta għandha tirrikonoxxi r-responsabbiltajiet tagħha b’rabta mat-talba mressqa mill-perusna li ilmentat; u li Transport Malta għandha twieġeb għal tali talbiet u ma tirrinunzjax mir-responsabbiltajiet tagħha billi sempliċement tirreferi lil min jagħmel it-talba għal xi entità oħra.

L-eżitu

Peress li Transport Malta ma aċċettatx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju, f’Novembru 2021 il- Każ ġie riferut lill-Prim Ministru. Ladarba ma ttieħdet l-ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport lill-Kamra tad-Deputati.

Dokumenti:   

17.09.2021 – Opinjoni Finali

02.11.2021 – Risposta ta’ Transport Malta

09.11.2021 – Ittra lill-Prim Ministru

14.12.2021 – Ittra lill-iSpeaker

Stqarrijiet