Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati: Ilment li jallega rappurtar ħażin mill-Uffiċċjal tal-Każ (Case Officer) dwar applikazzjoni ta’ żvilupp fix-Xewkija

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali dwar ilment li jallega rappurtar ħażin min-naħa tal-Uffiċjal tal-Każ tal-Awtorità tal-Ippjanar fuq applikazzjoni ta’ żvilupp fix-Xewkija.

Il-Każ fil-Qosor

L-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ilment li jallega rappurtar ħażin jew rappurtar mhux korrett mill-uffiċjal tal-każ li wassal għal deċiżjonijiet ħżiena mill-Kummissjoni tal-Ippjanar. L-Ombudsman irrefera l-każ lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar għall-investigazzjoni.

Wara l-investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-persuna li ilmentat, il-Kummissarju ikkonkluda li fin-nuqqas ta’ raġunijiet ta’ ippjanar li jiġġustifikaw il-bdil tar-rakkomandazzjoni taċ-Chairperson Eżekuttiv mill-Kummissjoni tal-Ippjanar skont l-Artikolu 10 tat-tieni skeda tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, hemm każ qawwi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 80 tal-istess Att minħabba żball li jidher fir-rekord tal-Kummissjoni tal-Ippjanar. Għalhekk, il-Kummissarju irrakkomanda li d-dokumenti relattivi approvati fil-permess oriġinali għandhom jinbidlu għal dawk li awtorizzati fl-emenda li kienet saret fl-istess każ.

L-Eżitu

L-Awtorità tal-Ippjanar, permezz tal-Uffiċċju tal-Verifika tagħha, infurmat lill-Kummissarju li ma kenitx taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu. Għalhekk f’Settembru 2022 il-Każ ġie riferut lill-Prim Ministru. Peress li ma ttieħdet l-ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport għall-attenzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

Dokumenti:

02.06.2022 – Opinjoni Finali

27.06.2022 – Reazzjoni mill-Awtorita tal-Ippjanar

16.09.2022 – Ittra lill-Prim Ministru

20.10.2022 – Ittra lill-iSpeaker

Stqarrijiet
Stqarrijiet