Rakkomandazzjonijiet Mhux Implimentati: Ilment Rigward Restrizzjoni ta’ Aċċess Wara Sistema ta’ One-Way fil-Mosta

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar Perit Alan Saliba, ippreżenta l-Opinjoni Finali lill-Kamra tad-Deputati dwar ilment relatat ma’ restrizzjoni ta’ aċċess waral-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ one- way fil-Mosta.

Il-Każ fil-qosor

Bidla fis-sistema tat-traffiku fi Triq San Silvestru il-Mosta minn waħda b’żewġ direzzjonijiet għal dik b’direzzjoni waħda wasslu biex is-sidien ta’ garaxx iressqu l-ilment tagħhom. Is-sistema l-ġdida tostakola l-użu b’mod sħiħ tal-garaxx tagħhom għaliex issa jridu jimmanuvraw il-vetturi tagħhom mill-aktar parti dejqa tat-triq.

Il-Kunsill Lokali fil-bidu saħaq illi din kienet miżura temporanja sakemm kienu għaddejjin xi xogħlijiet oħra fit-toroq fil-Mosta. Madankollu, is-sistema tal-one-way baqgħet tippersisti anke wara t-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet. Il-Kummissarju osserva li l-garaxx fil-kwistjoni jinsab f’żona fejn it-triq tidjieq f’daqqa minn wisa’ ta’ madwar 5 metri għal wisa’ ta’ 3.3 metri. Konsegwentement, il-garaxx issa jista’ jakkomoda biss tliet vetturi minflok erba’.

Filwaqt li wieħed jifhem illi minħabba tħassib dwar is-saħħa u s-sigurtà jista’ jkun hemm il-ħtieġa u  ġustifikazzjoni fid-direzzjoni tat-traffiku fit-toroq għal sistema one-way, huwa daqstant ieħor importanti li jiġi żgurat li tali bidliet ma jxekklux l-utilità ta’ proprjetajiet privati. Hemm metodi alternattivi kif jiġu trattati sitwazzjonijiet simili, bħall-introduzzjoni ta’ miżuri tat-traffiku li jnaqqsu l-veloċità u ċ-ċirkulazzjoni u/jew intelligent systems bħal traffic lights personalizzati.

Il-Kummissarju irrakkomanda illi f’din il-parti ta’ Triq San Silvestru d-direzzjoni tat-traffiku terġa’ ssir two-way u jiġi mplimentati miżuri addizzjonali ta’ sigurtà.

L-eżitu

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta ma ħa ebda azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju u il-każ ġie eskalat għand il-Prim Ministru. Peress li wara ma ttieħdet l-ebda azzjoni, il-Kummissarju ressaq ir-rapport għall-kunsiderazzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

01.02.23 – Opinjoni Finali

16.03.23 – Email tal-Kummissarju lill-Kunsill Lokali u lill-Prim Ministru

22.05.23 – Ittra lill-iSpeaker

 

Stqarrijiet