Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati: L-Awtorità tal-Artijiet tonqos milli tieħu azzjoni xierqa biex tirrimedja sadd tad-drenaġġ ikkawżat minn garaxx li huwa proprjetà tagħha

 

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali dwar ilment dwar sadd tad-drenaġġ fi blokk appartamenti fis-Siġġiewi ikkawżat minn garaxx li jinsab fi stat ta’ manutenzjoni ħażina u li huwa proprjetà tal-Awtorità tal-Artijiet.

Il-Każ fil-qosor

Fit-18 ta’ Mejju 2021, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ilment kontra l-Awtorità tal-Artijiet talli naqset milli tieħu azzjoni biex tirrimedja l-kundizzjoni tal-garaxx li tiegħu hi proprjetarja.  Dan il-garaxx kien qed joħloq sadd fis-sistema tad-drenaġġ fi blokk appartamenti fis-Siġġiewi. Il-persuna li ilmentat allegat li dan is-sadd kien qed jikkawża ħsarat fil-lift u infestazzjoni ta’ firien.

Wara l-investigazzjoni, il-Kummissarju ikkonkluda li kien hemm nuqqasijiet serji fil-mod kif l-Awtorità tal-Artijiet ttrattat dan l-ilment.

Il-Kummissarju irrakkomanda li l-Awtorità għandha tagħmel it-tiswijiet meħtieġa mingħajr aktar dewmien.

L-Eżitu

Ladarba l-Awtorità tal-Artijiet ma aċċettatx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju, f’Mejju 2022 il-każ ġie riferut lill-Prim Ministru. Peress li ma ttieħdet ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport għall-attenzjoni tal-Kamra tad-Deputati.

Dokumenti:

08.04.22 – Opinjoni Finali

30.05.22 – Ittra lill-Onor. Prim Ministru

30.06.22 – Ittra lill-Mr Speaker

Stqarrijiet