Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, ippreżentaw Opinjoni Finali lill-Kamra tad-Deputati fuq ilment dwar in-nuqqas ta’ marki uffiċjali għal stabbilimenti tal-ikel li għandhom spazju allokat fuq barra.
Il-Każ fil-qosor
L-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva ilment li jallega li stabbilimenti tal-ikel b’imwejjed u siġġijiet għall-klijenti kienu kontinwament jisporġu fuq it-toroq pubbliċi u l-bankini, bl-awtoritajietjinjoraw il-Policy P13 tal-Outside Catering Areas Policy, li teħtieġ marki speċifiċi viżibbli għal żoni bħal dawn, jiġifieri pjanċi imwaħħlin ċatti mal-wiċċ tal-art.
Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar beda l-investigazzjoni tiegħu kontra l-Awtorità tal-Artijiet, li hija responsabbli li tipprovdi tali marki, u stieden entitajiet governattivi oħra rilevanti, bħall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Awtorità tal-Ippjanar, u Transport Malta, biex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Madankollu, l-ebda waħda mill-entitajiet tal-gvern ma ikkooperat.
Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet
In-nuqqas ta’ kooperazzjoni, partikolarment mill-Awtorità tal-Artijiet għamilha diffiċli biex jinstab mezz kif jiġi imtejjeb ir-rwol amministrattiv tagħha, partikolarment fi kwistjonijiet sensittivi fejn l-interessi kummerċjali huma dominanti.
Il-Kummissarju irrakkomanda li l-Awtorità tal-Artijiet għandha tħejji regoli u proċeduri għat-twaħħil ta’ sinjali li jiddefinixxu l-konċessjonijiet kollha mogħtija lill-istabbilimenti tal-ikel għal żoni fuq barra u tinforzahom skont it-termini ta’ kull konċessjoni.
L-Eżitu
Fir-reazzjoni tagħha għall-Opinjoni Finali tal-Kummissarju, l-Awtorità tal-Artijiet qalet illi mhix awtorità regolatorja u ma tistax tiġi deskritta bħala awtorità li toħroġ il-permessi. Ir-rwol tagħha huwa limitat għall-għoti ta’ kunsens għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp fuq proprjetà pubblika u għall-ħruġ ta’ konċessjonijiet ta’ teħid ta’ spazju pubbliku (encroachment) fiż-żoni li ngħataw permess mill-awtoritajiet li jagħtu l-permessi.
Peress li l-Awtorità tal-Artijiet ma qablitx mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għal raġunijiet mhux ġustifikati, il-każ ġie riferut lill-Prim Ministru w aktar tard lill-Kamra tad-Deputati.
Dokumenti:
23.12.22 – Reazzjoni mill-Awtorità tal-Artijiet
11.01.23 – Ittra lill-Prim Ministru
23.02.23 – Ittra lill-iSpeaker
Stqarrijiet