Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati – Żewġ għalliema fi skola tal-gvern jiffaċċjaw trattament mhux xieraq fuq il-post tax-xogħol tagħhom

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Prim Imħallef Emeritus Vincent A. De Gaetano, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali dwar ilment li tressaq minn żewġ għalliema li lmentaw li kiesnu qed jiġu trattati b’mod mhux xieraq  minn membru ieħor tal-istaff.

L-awtoritajiet tal-edukazzjoni injoraw ir-rakkomandazzjonijiet li saru f’Ottubru 2020 mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni (il-mibki Sur Charles Caruana Carabez). Il-Kummissarju attwali bagħat  kommunikazzjonijiet dwar dan f’Jannar u Frar 2021 biex ifakkar lill-awtorità konċernata, iżda min-naħa tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni baqgħet ma ntbagħtet ebda tweġiba.

F’April li għadda L-Ombudsman u l-Kummissarju ressqu l-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru. Billi ma jirriżultax li ttieħdet xi azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħtu r-rapport lill-Kamra tad-Deputati.

Id-detalji tal-Każ fil-qosor

Il-persuni li ressqu l-ilment (il-complainants) – huma żewġ għalliema, assenjati fi (Skola Sekondarja tal-iStat) – li lmentaw li kienu qed jiġu trattati b’mod ostili u ippersegwitati minn membru tal-istaff fi ħdan l-istess dipartiment tas-suġġett tagħhom, u li barra minn hekk din l-persuna (ftit xhur qabel ma tressaq l-ilment) kienet ukoll ġiet promossa għall-grad ta’ Kap tad-Dipartiment (HOD).

Il-Kummissarju sab li fi ħdan id-Dipartiment tal-Ingliż ta’ din l-iskola kien hemm firda kbira, li kienet serja, l-effetti tagħha kienu fit-tul u li bl-ebda mod ma setgħu jiġu injorati u trattati b’mod leġġer. Huwa ikkritika kemm in-nuqqas ta’ azzjoni effettiva min-naħa tas-Senior Management Team (SMT) tal-iskola għal mod beżgħan kif trattaw is-sitwazzjoni u n-nuqqas ta’ buon sens li wera l-Ministeru (dak iż-żmien il-MEDE) li ma ħax il-passi meħtieġa biex itaffi u jinnewtralizza din is-sitwazzjoni billi jibgħat lill-HOD il-ġdida fi skola oħra meta kellhom iċ-ċans jagħmlu dan.

Il-Kummissarju kien irrakkomanda li għal din is-sena skolastika (li waslet biex tintemm) jinżamm l-istatus quo fid-Dipartiment in kwistjoni (għaliex ma kienx jagħmel sens illi jinbidlu l-affarijiet f’Ottubru 2020 meta s-sena skolastika kienet diġà bdiet), għalkemm xorta waħda hu irrakkomanda li jsir monitoraġġ aktar bir-reqqa tas-sitwazzjoni mill-SMT tal-iskola. Il-Kummissarju irrakkomanda wkoll illi l-HOD in kwistjoni tiġi assenjata li twettaq  il-ħidma tagħha fi skola oħra għas-sena skolastika 2021/2022 fl-aħajr interess ta’ kulħadd u li l-Ministeru għandu jassigura li l-membri li jiġu promossi jintbagħtu jew jiġu assenjati fi skejjel oħra (u mhux jinżammu fl-istess skola li kienu jgħallmu fiha qabel il-promozzjoni) u dan skont l-aħjar prassi.

Dokumenti:

Opinjoni Finali – Ottubru 2020

Ittra lill-Prim Ministru – April 2021

Ittra lill-iSpeaker – Mejju 2021

Stqarrijiet