Seminar dwar il-Liġi tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

F’konformità mal-policy tal-Uffiċċju li għandha l-għan li tiżgura l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-istaff fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Kap tal-Investigazzjonijiet, Dr Monica Borg Galea, attendiet  seminar ta’ taħriġ ta’ jumejn organizzat mill-Akkademja tal-Liġi Ewropea (ERA) f’Trier. Għal dan is-seminar li kien jittratta l-Liġi tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi attendew bosta  professjonisti  fil-qasam legali li jaħdmu f’diversi setturi, inklużi trejdjunjins, assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, istituzzjonijiet tal-ombudsman, entitajiet li jaħdmu fis-settur tal-ugwaljanza, NGOs u studjużi minn diversi Stati Ewropej.

Is-Seminar ipprovda lill-parteċipanti b’ħarsa ġenerali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-ġurisprudenza konsiderevoli tagħha dwar is-suġġett u fela bir-reqqa l-kunċett innovattiv tal-identifikar ta’ diskriminazzjoni fil-kuntest tal-Intelliġenza Artifiċjali.

Il-parteċipanti ngħataw taħriġ li jippermettilhom jiddistingwu bejn sorsi differenti tal-liġi u japplikaw l-istess f’sitwazzjonijiet rilevanti. Il-ġurisprudenza dwar il-kunċetti ewlenin ta’ diskriminazzjoni diretta u indiretta kienu ukoll ittratti fid-dettal. Suġġetti  importanti  fosthom   kif għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-oneru tal-prova f’każijiet ta’ diskriminazzjoni, ir-rimedji u s-sanzjonijiet f’każijiet ta’ diskriminazzjoni sesswali, kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u d-Direttivi tal-UE li jittrattaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-paga ugwali għal xogħol li  għandu l-istess valur ġew diskussi u eżaminati. Il-parteċipanti ngħataw ukoll l-opportunità li jaħdmu fi gruppi f’case studies sabiex japplikaw l-għarfien u l-informazzjoni miksuba matul is-seminar, kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għal sitwazzjonijiet konkreti.

 

Stqarrijiet