Studenti fl-istudji farmaċewtiċi jkomplu l-istudji tagħhom għal grad ta’ Masters

L-ilment

Sebgħa u tletin student li fl-2006 daħlu għall-kors ta’ ħames snin, li jwassal għall-grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)), ilmentaw li l-Universita` ta’ Malta ma kienitx qed titrattahom b’mod ġust.  Huma sostnew illi l-istituzzjoni ċaħdet it-talba tagħhom illi jiġu inklużi fil-kors ristrutturat tal-Farmaċija.

L-istudenti tal-Ħames Sena allegaw ukoll illi huma sfaw diskriminati meta l-Universita` aċċettat illi l-erba’ gruppi ta’ studenti oħra tal-B.Pharm (Hons) jitħallew jibbenefikaw mill-kors kif ristrutturat iżda lilhom ma tathomx din l-opportunita`. L-istudenti xtaqu illi permezz tal-iskema l-ġdida jagħmlu semester ieħor li fih 30 credits (ECTS) u bħall-istudenti l-oħra sħabhom jiggradwaw bi grad ta’ Masters fil-Farmaċija (M.Pharm).

X’irriżulta mill-investigazzjoni

Fl-2006 dawn l-istudenti irreġistraw biex jidħlu fil-kors ta’ ħames snin li jwassal għal Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)).  Waqt il-kors ta’ studji tagħhom id-Dipartiment tal-Farmaċija għamel eżerċizzju ta’ ristrutturar li b’riżultat tiegħu, wara erba’ snin ta’ studju, l-istudenti setgħu jiggradwaw bi grad ta’ Baċellerat  (Hons) fix-Xjenza Farmaċewtika (B.Sc (Honours)). Permezz tal-istruttura l-ġdida min kellu dan id-grad seta’ jkompli l-ħames sena (li fiha tlett semesters b’90 credit) u jiggradwa bi grad ta’ M.Pharm.  Din l-iskema ġiet aċċettata mid-Dipartiment tal-Farmaċija fi Frar 2011 u s-Senat approvaha fit-22 ta’ Ġunju tal-istess sena.

Oriġinarjament l-iskema kif ristrutturata  kienet ser tibda titħaddem meta jidħlu l-istudenti l-ġodda f’Ottubru tal-2011. Madanakollu l-Universita` dehrilha illi l-iskema kienet ta’ benefiċċju għall-istudenti li diġa` kienu qiegħdin isegwu l-kors u tat l-opportunita` lill-istudenti tal-Ewwel, it-Tieni u t-Tielet sena (jiġifieri dawk li daħlu fil-kors fl-2010, 2009 u 2008 rispettivament).  Dawn l-istudenti ingħataw l-opportunita` li jagħżlu jekk jixtiequx isegwu l-kors ristrutturat. L-istudenti kollha tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena aċċettaw li jagħmlu hekk. Iżda din l-iskema ma kienitx miftuħa għall-istudenti li kienu qiegħdin fir-Raba’ u l-Ħames sena (jiġifieri dawk li daħlu fil-kors fl-2007 u fl-2006).

L-istudenti tar-Raba’ u l-Ħames sena appellaw minn din id-deċiżjoni tal-Universita`.  Permezz tal-intervent tal-Ombudsman tal-Universita` l-istudenti tar-Raba’ sena iggradwaw bi grad ta’ Baċellerat (Hons) fix-Xjenza Farmaċewtika f’Diċembru 2011, u setgħu ukoll ikomplu bil-programm tal-M.Pharm.  L-istudenti tal-Ħames sena kienu mċaħħda milli jagħżlu l-iskema l-ġdida u fl-24 ta’ Novembru 2011 iggradwaw bil-grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija  (B.Pharm (Honours)).  Għalhekk minħabba li dawn l-istudenti tal-Ħames sena ħassew li ġew trattati b’mod inġust u li ġew iddiskriminati ressqu ilment mal-Ombudsman tal-Universita`.

Osservazzjonijiet  dwar il-każ

L-Universita` insistiet illi, la kienet imxiet ħażin u lanqas kienet iddiskriminat l-istudenti tal-Ħames Sena tal-Farmaċija (l-complainants).  Hija qalet illi dawn l-istudenti kienu irreġistraw sabiex isegwu l-kors  li jwassalhom għall-Baċellerat fil-Farmaċija u meta huma temmew b’suċċess l-istudji tagħhom ingħataw dan l-imsemmi grad. L-Universita` qalet ukoll illi l-istudenti li ressqu l-ilment setgħu xorta waħda jkomplu bl-istudji tagħhom u jirreġistraw għall-grad ta’ Masters fil-Farmaċija (M.Pharm).  L-Universita` kompliet, illi meta dawn l-istudenti jtemmu b’suċċess tlett semesters li b’kollox għandhom 90 credits, l-istudenti kienu jiksbu l-grad ta’ Masters.  Madanakollu l-Universita` kienet tinsab f’negozjati mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki sabiex jirrikonoxxi l-kors ta’ ħames snin tal-Baċellarat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)) bħala kwalifika tas-Seba’ Livell simili għal dik tal-grad ta’  Masters fil-Farmaċija (M.Pharm) u b’hekk l-istudenti li effettwati ma jkollhomx għalfejn jagħmlu dan il-kors.

L-istudenti ma qablux mal-argumenti li qajjmet l-Universita` u sostnew illi:

a)         fid-dinja tal-Farmaċija internazzjonali l-grad ta’ Baċellerat (Hons) fix-Xjenzi Farmaċewtiċi (B.Sc (Hons) Pharmacutical Sciences) huwa apprezzat iżjed minn grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)); u

b)         xi ħadd gradwat bi grad ta’ Masters fil-Farmaċija (M.Pharm) huwa apprezzat iżjed minn min gradwa bi grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)).

L-istudenti  tennew illi dawn iż-żewġ raġunijiet huma ferm sinjifikanti meta jiġi eżaminat il-Curriculum Vitae ta’ persuna li qiegħda tfittex impjieg jew li tixtieq timraħ aktar fl-istudji tal-Farmaċija.

L-Ombudsman tal-Universita` sostna, illi mhux kompitu tiegħu li jevalwa l-gradi varji fil-Farmaċija, għax din m’hijiex il-funzjoni tiegħu, imma hija r-responsabbilta` tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.  Għalhekk ma kienx floku illi jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-punti mqajjma mill-istudenti u mill-Universita`.  Madanakollu, l-Ombudsman deherlu illi jkun ġust jekk jgħid illi; għal min mhux akkademiku, jew għal min iħaddem u allura jevalwa l-kwalifiki akkademiċi, grad ta’ Masters huwa stmat aktar minn dak ta’ grad ta’ Baċellerat.  F’dan il-kuntest huwa staqsa x’kienu r-raġunijiet li wasslu lid-Dipartiment tal-Farmaċija jirristruttura il-kors u jintroduċi kwalifika ogħla meta kien qed jistenna li l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki kien ser jirrikonoxxi fuq l-istess livell il-grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)) u l-grad ta’ Masters fil-Farmaċija (M.Pharm).  L-Ombudsman tal-Universita` ħass li kien pertinenti illi jingħad  dak li qal il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki:

Kindly note that the position of MQRIC [Malta Qualifications Regulation Information Centre] has been to level rate the B.Pharm. (Hons) at Level 6 of the MQF [Malta Qualification Framework].  This was the position under the previous Chief Executive, … and the position hasn’t changed.

It-tieni raġuni li wasslet lill-Universita` biex tiċħad it-talba tal-istudenti kienet l-ħtieġa amministrattiva li tinqata’ linja x’imkien[1].  Kif ġie spjegat qabel, is-Senat fil-bidu kien stabbilixxa illi d-data kienet ser tkun meta jidħlu l-istudenti l-ġodda f’Ottubru 2011, iżda aktar tard il-gruppi tal-istudenti li kienu diġa` qiegħdin isegwu l-kors minbarra l-grupp tal-complainants ġew aċċettati fl-iskema. L-Universita` eskludiet il-grupp ta’ studenti li kienu qiegħdin isegwu l-kors bejn l-2006 u l-2011 minħabba l-fatt illi huma kienu diġa` lestew ħafna mill-programm tal-Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)) u kienu ser jiggradwaw f’Novembru ta’dik is-sena (2011).

L-istudenti jifhmu illi amministrattivament kien hemm bżonn li tiġi stabbilita data minn meta tibda titħaddem l-iskema l-ġdida,  ma qablux biss mal-kriterju li ntuża.  Huma kienu tal-opinjoni illi kien ikun ferm aktar ġust li kieku d-distinzjoni kienet bejn l-istudenti li diġa` gradwaw u dawk li għadhom qiegħdin isegwu l-kors. Il-complainants sostnew illi meta l-Bord tal-istudji Farmaċewtiċi (fi Frar 2011) u s-Senat (Ġunju 2011) approvaw ir-ristrutturar tal-kors, huma kienu għadhom studenti, u għalhekk kellhom jiġu mogħtija l-istess trattament bħal gruppi l-oħra ta’ istudenti. Huma enfasizzaw illi fil-verita` l-istudenti li tħallew jidħlu fl-iskema l-ġdida, kienu bħalhom irreġistraw li jsegwu l-kors tal-B.Pharm (Hons) meta daħlu l-Universita`.

L-Ombudsman tal-Universita` jifhem illi kien hemm il-ħtieġa illi jkun hemm data minn meta l-iskema l-ġdida tidħol fis-seħħ u din r-raġuni hija valida, ġusta u amministrattivament korretta. Hu jaqbel illi meta s-Senat approva r-ristrutturar tal-kors, l-Universita` ma setgħetx tagħti lil dawk kollha li għandhom l-grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons)) mill-1995, l-istess opportunitajiet tal-istudenti li għadhom ma gradwawx.  Minħabba li l-kontenut tal-kors ivarja minn żmien għal żmien, kien ikun impossibbli li tittieħed din it-tip ta’ deċiżjoni. Madanakollu, l-Ombudsman tal-Universita` kien tal-fehma illi d-distinzjoni bejn dawk li diġa` iggradwaw u l-istudenti li għadhom qiegħdin isegwu l-kors hija aktar razzjonali u ġusta minn dik tal-Universita` li tagħmel distinzjoni bejn il-gruppi ta’ studenti. Waqt l-istħarriġ ħareġ ukoll il-fatt illi minn dawk l-istudenti li daħlu għall-kors fl-2006, matul dawk il-ħames snin, kien hemm studenti li m’għaddewx u għalhekk kellhom jirrepetu  sena.  Kif saru l-affarijiet ġara illi l-istudenti li kellhom jirrepetu sena kellhom l-opportunita` illi jibbenefikaw mill-iskema l-ġdida, filwaqt illi l-kollegi tagħhom li kisbu riżultati aħjar u baqgħu għaddejjin bil-kors ma setgħux.

Il-complainants taw ukoll raġuni oħra għaliex huma kienu qed iħossuhom aggravati.  Huma allegaw illi meta bdew iqabblu n-noti tal-istudenti tal-M.Pharm, il-kontenut tal-units ta’ studju kienu identiċi għal dawk li kienu kellhom huma fil-Ħames Sena. Qalu ukoll illi t-30 credits miżjuda kienu parti mill-istudji li kellhom huma, d-dissertation li kienet meħtieġa fil-kors allegatament ġiet mibdula minn proġett għal teżi u b’hekk ingħatat 10 credits aktar.  Anke l-fatt illi l-20 credits li kien għad jonqos ġew inklużi f’żewġ seminars ta’ tlett siegħat –il wieħed flimkien ma’ esperjenza prattika li kienu għamlu huma ukoll.  L-istudenti ikkonkludew illi li kieku huma kellhom jagħmlu l-programm li jwassal għall-grad ta’ Masters fil-Farmaċija kif kienu intalbu jagħmlu mill-Universita` kienu jispiċċaw biex jirrepetu għalxejn 60 credits.

L-Ombudsman tal-Universita` mhuwiex f’qagħda u lanqas ma hija l-funzjoni tiegħu illi jevalwa il-kontenut akkademiku taż-żewġ programmi tal-Farmaċija. Għalhekk la seta’ jiċħad u lanqas isostni l-korretezza ta’ dak li allegaw l-complainants.  Tajjeb illi jingħad illi meta l-Ombudsman tal-Universita` iddiskuta dawn il-punti mal-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija, dan l-allegazzjonijiet ma ġewx miċħuda  anzi żied jgħid illi kien favur illi ssir rakkomandazzjoni lis-Senat f’dan ir-rigward sabiex jerġgħu jikkonsidraw it-talba ta’ dawn l-istudenti.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Il-qofol ta’ dan il-każ jiffoka fuq dawn iż-żewġ mistoqsijiet:

a)         jekk l-Universita` għamlitx diskriminazzjoni mal-complainants meta ċaħdithom milli jkollhom l-istess opportunitajiet li kellhom il-gruppi tal-istudenti l-oħra, li bħalhom kienu reġistrati fil-kors B.Pharm (Hons); u

b)         jekk l-aġir tal-Universita` mal-complainants kienx ġust u raġonevoli meta qaltilhom illi sabiex huma jkollhom l-kwalifika M.Pharm kien jeħtieġ illi jagħmlu sena oħra ta’ studju li jkun fiha 90 credits, li sittin minnhom kienu diġa` saru fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom bejn 2010 u l-2011.

L-Ombudsman tal-Universita` ma daħalx fl-aspett akkademiku tal-ilment minħabba li kif diġa` ingħad din mhijiex il-funzjoni tiegħu, hu kkonċentra l-investigazzjoni tiegħu fuq id-deċiżjonijiet amministrattivi li ttieħdu, jekk kellhomx elementi ta’ ġustizzja u diskriminazzjoni.

L-evidenza miġbura turi illi kien hemm nuqqas ta’ ġustizzja  fid-deċiżjoni tal-Universita` fil-konfront tal-complainants.  Meta d-Dipartiment tal-Farmaċija (fi Frar 2011) iddeċieda illi jirristruttura l-kors tal-B.Pharm (Hons), u meta s-Senat approva il-kors il-ġdid (f’Ġunju 2011) il-complainants kienu għadhom studenti u jibqgħu hekk sakemm dawn jiggradwaw f’Novembru 2011. Fl-opinjoni tal-Ombudsman tal-Universita` d-distinzjoni bejn min kellu B.Pharm (Hons) u l-istudenti li kienu għadhom fil-kors hija aktar loġika u ċara bħala kriterju sabiex jiġi deċiż min seta’ jibbenefika mill-iskema l-ġdida, mill-kriterju li applikat l-Universita` li tiddistingwi bejn il-gruppi ta’ studenti.

Barra minn hekk dak li sostniet l-Universita` illi l-ħames snin li jwassal għal grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija (B.Pharm (Hons))huwa ekwivalenti għall-grad ta’ Masters fil-Farmaċija (M.Pharm) ma jreġġix, għaliex dan l-argument ma ġiex sostnut mill-Kunsill Malti għall-Kwalfiki.  Rigward il-perċezzjoni dwar il-gradi universitarji fejn il-grad ta’ Masters huwa meqjus bħala kwalifika għola minn dak ta’ Baċċellerat, kemm l-akkademiċi kif ukoll il-pubbliku in ġenerali huma tal-istess opinjoni.

Punt ieħor huwa l-fatt illi ma hemm ebda raġuni valida għalfejn l-Universita` qiegħda titlob lill-istudenti sabiex jirrepetu 60 credits li kienu diġa` ġew inklużi fl-istudji tagħhom fl-aħħar sena ta’ studju. Universita` tinsisti illi l-istudenti jirrepetu studju li huma kienu temmew b’suċċess huwa tedjanti, kif ukoll huwa ħela ta’ riżorsi għall-Universita` minbarra l-fatt illi dan kien ser ittellef sena paga lill-complainants.

Għal dawn ir-raġunijiet l-Ombudsman tal-Universita` sostna l-ilment tal-complainants illi l-Universita` ma kinitx aġixxiet b’mod ġust ma’ dawn l-istudenti meta ċaħditilhom l-opportunita` illi isegwu l-iskema tal-programm ristrutturat fil-kors tal-Farmaċija bħal ma għamlet mal-istudenti l-oħra sħabhom.

Huwa irrakkomanda illi l-Universita` għandha terġa’ tikkonsidra t-talba tal-complainants sabiex jiksbu l-M.Pharm billi jagħmlu semester ieħor ta’ 30 credits.  B’hekk l-Universita` tkun qed tpoġġi lil dawn l-istudenti fl-istess keffa tal-istudenti l-oħra illi bħalhom huma ukoll kienu reġistrati fil-kors tal-B.Pharm (Hons) bejn l-2007 u l-2010.  Deċiżjoni bħal din tfisser illi l-istudenti kienet ser jittieħdilhom lura l-grad ta’ Baċellerat (Hons) fil-Farmaċija u jingħataw minflok Masters fix-Xjenzi Farmaċewtiċi (M.Sc Hons)). Kieku l-Universita` kellha taċċetta din il-proposta, din għandha tapplika biss għal dan il-grupp ta’ studenti illi segwa l-kors bejn l-2006 u l-2011.

L-Ombudsman tal-Universita` issuġġerixxa ukoll illi jekk is-Senat ikun ser jiddiskuti dawn il-materji, kien ikun utli illi fid-diskussjoni jkun hemm ukoll preżenti il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija sabiex jassisti lid-Dekan tal-Fakulta` biex jiċċara xi punti li jkunu tqajmu u jagħti l-veduti tiegħu jew tagħha fuq is-suġġetti li jkunu qiegħdin jiġu diskussi.

L-eżitu

Is-Senat tal-Universita` aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-Universita` u l-complainants tħallew jkomplu l-istudji tagħhom sabiex jiksbu l-grad ta’ Masters fil-Farmaċija.


[1] L-Università sostniet illi ma jagħmilx sens u jkun impossibbli illi minn meta beda dan il-kors  fl-1995, il-gradwati kollha tal-B.Pharm (Hons) li kienu segwew dan il-kors ta’ ħames snin, awtomatikament jsiru eliġibbli għall-M.Pharm.

Każijiet fil-qosor