Talba minn uffiċjal pubbliku sabiex jiġi estiż il-kuntratt tax-xogħol tiegħu wara l-eta` tal-irtirar

L-ilment

AB (il-persuna li ressaq l-ilment) ħassu aggravat meta t-talba tiegħu sabiex ikollu l-kuntratt tax-xogħol tiegħu estiż wara l-eta` tal-irtirar ma ntlaqgħetx mill-Ministeru tal-Finanzi, u dan mingħajr ma ngħata ebda raġuni għaliex kienet ittieħdet din id-deċiżjoni.  Hu allega li kienet saret diskriminazzjoni miegħu minħabba li individwu ieħor, li hu semma’ b’ismu, u li kien jaħdem fl-istess Ministeru miegħu, kellu l-kuntratt tiegħu estiż wara l-eta` tal-irtirar filwaqt li t-talba tiegħu ma ntlaqgħetx.

L-investigazzjoni

Fil-kummenti tiegħu dwar l-ilment, il-Ministeru spjega kif il-persuna li ressqet l-ilment kien talab “to be engaged again as part-timer after the date of (his) pension” u mhux biex ikollu l-kuntratt tiegħu estiż.  Il-Ministeru żied jgħid li ma kinitx il-prassi tal-Gvern li jerġa’ jingaġġa persuni wara li dawn ikunu irtiraw bl-eta` sakemm is-servizzi li huma kienu joffru ma jkunux verament meħtieġa.  F’dan il-każ, il-management kien tal-fehma li ma kienx hemm dan il-bżonn.  Aktar minn hekk, il-persuna li ressaq dan l-ilment ma mexiex mal-proċeduri stabbiliti cioe` dik li jressaq it-talba tiegħu bil-fomm jew bil-kitba lid-Dipartiment tiegħu, iżda minflok għażel li jindirizza t-talba tiegħu direttament lill-Ministeru u l-awtoritajiet politiċi. Aktar minhekk, ir-rakkomandazzjoni għat-talba tiegħu minn naħa tad-Dipartiment fejn kien jaħdem ma kinitx favorevoli.

Dan l-Uffiċċju talab kjarifiki dwar il-persuna l-oħra li ssemmiet fl-ilment u li fir-rigward tagħha l-persuna li ressqet l-ilment allegat li kien hemm trattament favorevoli.   Il-Ministeru spjega, li fil-każ tal-persuna l-oħra li ssemmiet, iċ-ċirkostanzi kienu differenti minn dawk tal-persuna li ressqet l-ilment.  Minħabba l-privatezza tad-data, dawn iċ-ċirkostanzi ma setgħux jiġu ikkomunikati lill-persuna li għamlet l-ilmentId-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront tal-uffiċjal pubbliku l-ieħor saret skont il-prassi tal-Gvern fir-rigward ta’ ċirkostanzi speċjali, li jinkludu ċirkostanzi fejn is-servizzi tal-persuna ikkonċernata jkunu meħtieġa fi proġġett, u li jkun fl-interess tad-Dipartiment fejn hu jkun jaħdem.  Kemm iż-żmien, kif ukoll in-natura tat-talba nnifisha, kienu differenti minn dawk tal-persuna li ressqet l-ilment.

Il-persuna li ressqet l-ilment, ma qabilx ma’ din l-ispjegazzjoni u qal li hu kien lest li jikkonferma d-dikjarazzjoni tiegħu taħt ġurament.  Hu stqarr, li kien applika biex il-kuntratt tiegħu jkun estiż minħabba li kien konxju tal-ħtieġa kbira li kien hemm għal servizzi ta’ messaġġier, tant li kien offra li jagħmel dan ix-xogħol anke jekk hu kien jokkupa pożizzjoni ogħla.  Hu insista li allegatament ġie diskriminat, u żied li l-impjegat l-ieħor seta’ jaqdi biss dmirijiet li kienu jistgħu isiru minn persuna ta’ grad ta’ salarju inqas minn tiegħu.

Kunsiderazzjonijiet

L-Ombudsman ikkonsidra l-fatt li dan l-ilment tressaq wara ż-żmien stipulat ta’ sitt xhur (skont l-Att dwar l-Ombudsman) minn meta l-persuna li tkun qed tilmenta tkun saret taf għall-ewwel darba biċ-ċirkostanzi li tkun qed tilmenta dwarhom.  Fil-fatt dan l-ilment tressaq madwar sentejn wara li l-persuna li ressqet l-ilment, kienet irtirat u diversi xhur wara, li ġie estiż il-kuntratt tal-impjegat l-ieħor li għalih saret referenza.  B’hekk l-ilment kien preskritt bil-liġi u għalhekk ma kienx ammessibbli għall-investigazzjoni formali.  Minkejja dan, dan l-Uffiċċju pprova jara jekk kienx hemm bażi biex din il-preskrizzjoni tkun tista’ tiġi rinunzjata.

L-Ombudsman ikkunsidra li:

  • l-Ministeru kien ta spjegazzjoni għad-deċiżjonijiet tiegħu fuq iż-żewġ każi, liema spjegazzjoni ġiet ikkomunikata lill-persuna li ressqet l-ilment;
  • t-talba tal-persuna li ressqet l-ilment kienet sabiex hu jerġa’ jkun impjegat mill-ġdid, din id-darba fuq bażi part-time (wara d-data tal-irtirar tiegħu) u mhux sabiex ikollu l-kuntratt tiegħu estiż;
  • ma kien hemm l-ebda talba mid-dipartiment fejn hu kien jaħdem dwar il-ħtieġa tas-servizzi tiegħu wara l-eta` tal-irtirar;
  • d-deċiżjoni li ttieħdet fiż-żewġ każi kienet skont il-prassi addottata mill-Gvern dwar iż-żamma ta’ ħaddiema wara l-eta` tal-irtirar, li tgħid li ħaddiema jistgħu jinżammu jaħdmu kemm il-darba s-servizzi li huma joffru jkunu meħtieġa għal xi ċirkostanza speċjali, bħal ma hi parteċipazzjoni fi proġett partikolari li jkun għadu għaddej.  Fil-każ tal-persuna li ressqet l-ilment ma kienx hemm din il-ħtieġa kif kien hemm fil-każ l-ieħor li għalih saret referenza; u
  • ma kien hemm l-ebda bażi fuqhiex r-raġunjiet li ta l-Ministeru jiġu ikkontestati.

L-Ombudsman b’hekk ikkonkluda li ma kienx hemm lok fejn hu seta’ jkun ta’ aktar għajnuna għall-persuna li ressqet l-ilment, u infurmah b’din id-deċiżjoni.

Il-persuna li ressqet l-ilment ma kinitx kuntenta b’din it-tweġiba u talbet li tiltaqa’ personalment mal-Ombudsman.  Din it-talba ġiet milqugħha, u l-Ombudsman spjega fid-dettall ir-raġunijiet li wassluh għal din id-deċiżjoni.  Infurmah ukoll li dan l-Uffiċċju għamel li seta’ sabiex ikun jista’ jkun ta’ għajnuna fil-każ tiegħu u li fiċ-ċirkostanzi ma kien hemm xejn aktar x’seta’ jsir.

L-Ombudsman imbagħad għalaq il-każ.

 

Każijiet fil-qosor