Fit-30 ta’ Mejju 2023, it-Times of Malta ippubblika ittra bit-titlu ‘Mind the Pole – A Dangerous Pole in Ċirkewwa’ minn Odette Pace tan-Naxxar. Fl-ittra, is-Sinjura Pace qajmet tħassib dwar arblu li jinsab fil-karreġġjata lejn it-triq li twassal għall-irmiġġ alternattiv tal-vapur ta’ Għawdex. Hi iddiskriviet dan l-arblu bħala wieħed fi stat diżastruż u li kien ta’ periklu.
Aħna tal-Uffiċċju tal-Ombudsman ħadna nota ta’ din is-sitwazzjoni deskritta fl-artiklu u għarafna illi kien hemm riskju. Fl-isforz kontinwu tagħna biex niżguraw is-sigurtà pubblika u nindirizzaw it-tħassib tal-pubbliku, ikkoordinajna ma’ Transport Malta. Ġbidna l-attenzjoni tagħhom illi kien hemm ħtieġa urġenti li tiġi evalwata s-sitwazzjoni u insistejna li tittieħed azzjoni biex tirrimedja s-sitwazzjoni fil-pront. It-talba speċifika tagħna kienet li l-awtorità tibdel l-arblu mill-aktar fis u b’hekk jerġa’ jkun hemm l-istandards ta’ sigurtà xierqa.
Huwa bi pjaċir li ninfurmawkom li wara l-intervent tagħna, Transport Malta wettqet il-verifiki meħtieġa u l-arblu inbidel. Napprezzaw il-fatt li ttieħdet azzjoni immedjata u l-kwistjoni ġiet indirizzata u riżolta.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman huwa istituzzjoni awtonoma u indipendenti responsabbli lejn il-Parlament. Nibqgħu impenjati li ntejbu l-amministrazzjoni pubblika, primarjament billi ninvestigaw b’mod attiv ilmenti minn individwi li jħossuhom aggravati mill-azzjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni pubblika.
Aqra’ l-ittra lill-editur hawn
Stqarrijiet