Workload eċċessiv assenjat inġustament

Exessive work load

L-ilment

Uffiċjal pubbliku (il-complainant) ilmenta li wara li ġie promoss għall-grad ta’ Prinċipal fis-Servizz Pubbliku, d-Direttur li kien responsabbli għat-taqsima tiegħu, assenjalu d-dmirijiet kollha li kellu uffiċjal ieħor f’dak il-grad li kien wasal biex jirtira, filwaqt li tħalla jagħmel il-parti kbira tax-xogħol li kellu qabel u ngħata biss assistenza minima.  Il-complainant sostna li ma setax ilaħħaq mal-ammont ta’ xogħol li kellu u beda jaqa’ lura fid-dmirijiet assenjati lilu.  Għalkemm is-Segretarju Permanenti kien wegħdu li jipprovdilu għajnuna, din qatt ma seħħet.  Il-complainant allega ukoll li din is-sitwazzjoni kienet qed taffettwalu saħħtu.

Il-fatti

Riċentement il-complainant kien ingħata promozzjoni għall-grad ta’ Prinċipal u baqa’ jaqdi dmirijietu fi ħdan id-Dipartiment li kien jaħdem fih.  Qabel ma ngħata l-promozzjoni, hu kien qiegħed isegwi kors fl-Università ta’ Malta fejn parti mill-ispejjeż kienu mħallsa mill-Gvern wara l-approvazzjoni meħtieġa. Fiż-żmien li  l-complainant laħaq il-grad ta’ Prinċipal, persuna oħra fl-istess grad li kienet taqdi dmirijietha f’taqsima oħra fi ħdan l-istess Dipartiment kienet waslet biex tirtira  għaliex waslet għall-età tal-pensjoni u kienet diġà tinsab bil-leave ta’ qabel l-irtirar.  Il-complainant għaldaqstant ġie assenjat id-dmirijiet ta’ dan l-uffiċjal minħabba li kellu l-istess grad tiegħu.  Madankollu, il-complainant xorta waħda baqa’ responsabbli għall-parti kbira mix-xogħol li kellu qabel.  Il-complainant oġġezzjona  għal dan u talab l-intervent tas-Segretarju Permanenti li wegħdu li kien ser jara x’jista’ jagħmel, anke jekk qallu ukoll li kien hemm diffikultà biex jingħata replacement.  Fil-fatt il-complainant kellu biss l-assistenza ta’ skrivana li kienet taħdem permezz tas-sistema tat-Teleworking.

Dan l-Uffiċċju talab il-kummenti tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru fejn jaħdem il-complainant.  Fit-tweġiba tiegħu s-Segretarju Permanenti hemeż kopja ta’ dikjarazzjoni mingħand id-Direttur responsabbli għad-dmirijiet assenjati lill-complainant.  Dan id-Direttur ċaħad b’mod kategoriku li d-dmirijiet assenjati lill-complainant kienu eċċessivi u semma ukoll inċidenti li fihom kien involut il-complainant.  Dawn tal-aħħar kienu jirriflettu b’mod negattiv fuq l-attitudni tal-istess complainant fil-qadi ta’ dmirijietu. Il-complainant ingħata kopja ta’ dak id-dokument, u minnufih irribatta dwar dak li ntqal fuqu u ippreżenta l-verżjoni tiegħu tal-fatti li f’partijiet minnhom kienet sostanzjalment konfliġġenti ma’ dak li ġie allegat fuqu mid-Dipartiment.

Dan l-Uffiċċju innota li mit-ton tar-rapport tad-Direttur u mit-tweġiba tal-complainant kien jidher bl-aktar mod ċar li r-relazzjoni bejniethom ma kienitx waħda feliċi. Għaldaqstant, dan l-Uffiċċju nsista li jkollu l-evalwazzjoni tas-Segretarju Permanenti dwar din il-kwistjoni li dwarha kien mgħarraf tajjeb u kien konxju tal-kummenti kontrastanti taż-żewġ uffiċjali.

Fl-opinjoni tiegħu s-Segretarju Permanenti irrefera għall-complainant bħala persuna diffiċli, li ma tantx jikkoopera u li ma tantx huwa lest li jaċċetta malajr tibdil fil-qadi ta’ dmirijietu. Hu stqarr li onestament iħoss li l-complainant ma kellux raġun jilmenta għaliex id-dmirijiet li ngħata kienu raġonevoli u seta’ jaqdihom bla wisq taħbit għax kien impjegat kapaċi.

Kunsiderazzjonijiet

L-Ombudsman osserva li dak li beda bħala nuqqas ta’ qbil bejn il-complainant u s-superjuri diretti tiegħu dwar ż-żieda fid-dmirijiet allokati lilu meta kien wasal biex jirtira uffiċjal fil-grad ta’ Prinċipal wara li l-complainant kien ġie promoss f’dan il-grad, spiċċa f’allegazzjonijiet reċiproċi bejn iż-żewġ uffiċjali dwar l-operat tagħhom fis-Servizz Pubbliku.

Dan l-Uffiċċju deherlu li dan l-iżvilupp hu materja li jekk jirriżulta li jkun hemm il-ħtieġa għandha tiġi mistħarrġa mill-awtoritajiet kompetenti, inkluż is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru.

Il-qofol tal-ilment huwa dwar id-dmirijiet addizzjonali li ngħataw lill-complainant meta kien ser jirtira uffiċjal ieħor li kien jaħdem f’taqsima separata fid-Dipartiment u li kien fl-istess grad tiegħu, dak ta’ Prinċipal.  Il-complainant sostna li dawn id-dmirijiet kienu eċċessivi u inġusti u li hu ma setax ilaħħaq magħhom.  F’mument minnhom semma ukoll li minħabba l-istress relatat max-xogħol kellu ukoll jirrikorri għall-assistenza medika.

Dan l-Uffiċċju dejjem sostna li l-allokazzjoni tad-dmirijiet fuq il-post tax-xogħol hija prerogattiva tal-management u li ma jintervjenix sakemm ma tinġiebx prova li d-dmirijiet il-ġodda ma jirriflettux il-grad tal-complainant jew huma imposti b’mod abbużiv jew vendikattiv.  Ebda waħda minn dawn iċ-ċirkostanzi ma tirriżulta f’dan il-każ.  Madanakollu, l-Ombudsman għamel osservazzjoni li f’dan l-ilment kienet saret referenza għal ċirkostanza li tista’ twassal għall-inġustizzja – meta impjegat jingħata dmirijiet eċċessivi li ma jkunx jista’ jlaħħaq magħhom u li saħansitra huwa possibbli li jaffettwawlu saħħtu.

F’dan il-każ dan l-Uffiċċju ġie ippreżentat b’żewġ allegazzjonijiet li huma dijametrikament opposti – dawk tal-complainant u dawk tad-Direttur li kien responsabbli għat-tqassim tad-dmirijiet.  Kien proprju għal din ir-raġuni li l-Uffiċċju tal-Ombudsman talab li jingħata l-opinjoni tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru dwar din il-kwistjoni.  Is-Segretarju Permanenti sostna li hu kien onestament iħoss li d-dmirijiet li ngħataw lill-complainant kienu raġonevoli.

Dan l-Uffiċċju talab ukoll tagħrif mingħand id-Direttur tal-Employee Relationship Management fil-Public Administration HR Office (PAHRO) dwar jekk teżistix xi forma oġġettiva kif jiġi assessjat jekk id-dmirijiet mogħtija lill-impjegati humiex eċċessivi jew le.  It-tweġiba[1] dwar dan kienet fin-negattiv.  Madankollu, il-PAHRO żied jgħid li jekk Direttur Ġenerali jew Segretarju Permanenti jħoss li hemm il-ħtieġa, tista’ titressaq talba lill-Management Efficiency Unit biex din l-Aġenzija tagħmel Operations Review tad-dmirijiet rispettivi – proċess elaborat u li jinvolvi fost oħrajn time and motion study tal-uffiċjali tad-Dipartiment u li wieħed jifhem li jinvolvi l-użu ta’ riżorsi umani għal perjodu sostanzjali.  Kieku kellu jsir dan, u jirriżulta li l-eżerċizzju sar fuq talba frivola, jew li minn naħa l-oħra jinstab li kien hemm abbuż ta’ poter, allura l-uffiċjal ikkonċernat kellu jerfa’ r-responsabbiltà tal-konklużjonijiet ta’ dan l-eżerċizzju u din kellha titniżżel ukoll fil-file personali tal-uffiċjal/i ikkonċernat/i.

Il-PAHRO  għamel ukoll referenza għall-effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq is-saħħa ta’ impjegat f’tali ċirkostanzi.  Impjegat għandu jingħata l-opportunità li jipparteċipa fi programm imsejjaħ Employee Support Programme – servizz li jista’ jingħata lill-impjegati fis-servizz pubbliku.

Dan l-Uffiċċju ikkonsulta ukoll mal-Awtorità dwar is-Saħħa u Ħarsien fuq il-post tax-xogħol (OHSA) li minn naħa tagħha semmiet il-possibilità li jittieħed parir mingħand Occupational Psychologist.

Konklużjoni

Wara li l-Ombudsman eżamina l-fatti dwar il-każ, ma kienx f’qagħda li jsostni l-ilment.  Minbarra il-fatt li t-tqassim tad-dmirijiet tax-xogħol huwa prerogattiva tal-management, jibqa’ukoll il-fatt li ma jeżistix kriterju oġġettiv li jista’ jgħin lil dan l-Uffiċċju li jistabbilixxi li d-dmirijiet assenjati lill-complainant kienu eċċessivi.  Minn naħa l-oħra l-opinjoni tad-Direttur responsabbli mit-tqassim tax-xogħol f’dan il-każ kienet ikkorraborata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru.

L-Ombudsman kien tal-fehma li jekk il-complainant jibqa’ jsibha diffiċli li jlaħħaq mal-volum ta’ xogħol mogħti lilu, l-awtoritajiet kellhom diversi alternattivi, inkluż li jiġi trasferit f’taqsimiet oħra fis-servizz pubbliku fejn iwettaq dmirijiet oħra kompatibbli mal-grad tiegħu.  Kif ukoll, li jekk jibqgħu konvinti li d-dmirijiet mogħtija lill-complainant kienu ġusti anke meta ipparagunati ma’ dmirijiet oħra ta’ uffiċjali fl-istess grad tiegħu ta’ Prinċipal fl-istess Ministeru, għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil alternattivi oħra kif spjegat aktar ’il fuq f’dan ir-rapport, jiġifieri li l-complainant ikun offrut is-servizzi tal-Employee Suppport Programme jew dak ta’ Occupational Psychologist.

 

[1] Din kienet informazzjoni verbali li ingħatat waqt diskussjoni ma’ uffiċjal tal-PAHRO.

Każijiet fil-qosor