L-ilment
Professjonista żgħażugħ li kien imħarrek sabiex jixhed quddiem Assistent Ġudikant fi proċeduri pendenti li kienu għaddejin fil-Qorti, ressaq ilment quddiem l-Ombudsman, rigward nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar liema ilbies kien aċċettat f’sitwazzjonijiet bħal tiegħu. Hu saħaq li minħabba, din in-nuqqas ta’ informazzjoni, li hu ngħata mill-amministrazzjoni tal-Qorti, inħolqot possibbilta` li jattendi s-seduta, u ma jkunx liebes ingravata jew libsa jista’ jisfa akkużat b’disprezz tal-Qorti. Il-persuna li ressaq l-ilment żied jgħid li hu kien staqsa lil xi uffiċjali tal-Qorti jekk kintx teżisti regola speċifika li tirrigwarda l-ilbies f’sitwazzjonijiet bħal tiegħu u kien ġie mgħarraf li tali regoli kienu japplikaw biss għall-avukati. Minkejja dan, hu ngħata parir sabiex jilbes libsa skura u ngravata, u dan minħabba li ġeneralment il-membri tal-ġudikatura hekk jinsistu. Dawn l-uffiċjali infurmawh ukoll li skont Regolament 27 tal-Avviż Legali 333 tal-2008[1], kull Uffiċjal Eżekuttiv tal-Qorti seta’ jżomm milli jidħol fil-Qorti kull persuna li hu jidhirlu li ma jkunx liebes addatatt.
Il-persuna li ressaq l-ilment ma kienx sodisfatt b’din it-tweġiba u rrefera għall-fatt li ma hemm l-ebda obbligazzjoni legali li tispeċifika li wieħed għandu jilbes ingravata u li l-opinjoni tal-Uffiċjal Eżekuttiv hi sa ċertu punt suġġettiva. Għalhekk hu talab kopja tal-aħħar pubblikazzjoni li ħareġ id-Direttur Ġenerali fuq din il-kwistjoni, u għamel referenza għas-Subregolament 2 ta’ Regolament 27 li jgħid li d-Direttur Ġenerali tal-Qorti għandu minn żmien għal żmien jinforma lill-pubbliku in ġenerali liema tip ta’ lbies hu meqjus inaċċettabbli fil-konfini tal-Qrati tal-Ġustizzja. Id-Direttur Ġenerali fit-tweġiba tiegħu infurmah li ma kienet inħarġet l-ebda pubblikazzjoni f’dan ir-rigward u li hu kien tal-fehma li kulħadd hu konxju ta’ x’inhu meqjus bħala lbies diċenti.
Il-persuna li ressaq l-ilment ħass li hu ma kienx ingħata tweġiba konkreta għad-domandi li hu kien għamel lill-persuna fdata bil-liġi biex tistabbilixxi liema lbies hu inaċċettabbli fil-Qrati u għalhekk ressaq l-ilment tiegħu lill-Ombudsman, jisħaq li l-Qrati kienu qed jabbużaw mill-ġurisdizzjoni awtorevoli tagħhom, meta jimponu l-veduti konservattivi tagħhom fuq is-soċjeta`. Huwa talab lill-Ombudsman biex jistabbilixxi jekk:
a) l-awtoritajiet tal-Qorti kienux qed jonqsu milli jipprovdu informazzjoni adegwata lill-pubbliku rigward liema hu dak l-ilbies meqjus inaċċettabbli fil-bini tal-Qorti, u dan minkejja l-provvedimenti ta’ Regolament 27 (2) Court Practice and Procedure and Good Order Rules; u
b) legalment jistgħux jingħataw multi dwar disprezz tal-Qorti fejn jidħol ilbies, kemm il-darba l-pubbliku ma jkunx ġie infurmat minn qabel dwar x’inhu meqjus bħala ilbies inaċċettabbli.
Il-persuna li ressqet l-ilment għamel suġġeriment sabiex l-Avviż Legali msemmi aktar l’ fuq ikun emendat, jew billi jinkludi liema lbies il-Qorti tqis bħala aċċettabbli jew billi titneħħa minnu kull referenza għall-ilbies, ħaġa li hu jemmen li tmur kontra d-dritt tal-individwi u dan kaġun tal-istess dewmien sabiex jaġġornaw ruħhom mal-bidla.
Ir-reazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja
Meta ntalab jagħti r-reazzjonijiet tiegħu fuq l-ilment, id-Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja spjega li hu kien issuġġerixxa lill-persuna li ressaq l-ilment sabiex jilbes ingravata u libsa iżda qatt ma obbligah li jixtri libsa u dan minħabba li hu aċċettabbli li l-irġiel jilbsu ġlekk jew ġakketta u mhux neċessarjament suit. Hu kompla billi rrimarka li l-pubbliku in ġenerali hu konxju tal-ilbies li hu addatat għall-Qorti.
Id-Direttur Ġenerali emfasizza li hu ma kienx responsabbli għat-tfassil ta’ dawn ir-regolamenti, li huma mfassla minn Bord li hu appuntat speċifikament għalhekk u li eventwalment jiġu approvati mill-President tar-Repubblika – b’hekk allura l-argument tal-persuna li ressaq l-ilment li hu kien uffiċjalment responsabbli għal dawn ir-regoli mhix eżatta. Hu pero` ammetta li għalkemm l-Avviż Legali jpoġġi l-onus fuqhu sabiex minn żmien għal żmien jaġġorna l-pubbliku liema lbies hu meqjus aċċettabbli jew le fil-Qorti, hu qatt ma kien ħareġ l-ebda notifika f’dan ir-rigward sabiex jevita li jkollu jagħmel lista dettaljata tad-deskrizzjonijiet ta’ dak li hu aċċettabbli u dak li m’huwiex, eżerċizzju li fl-opinjoni tiegħu kien jispiċċa jkun parodija ta’ lbies, bid-Direttur Ġenerali jispjega fid-dettall it-tul tad-dbielet u l-flokkijiet. Hu għalaq billi qal li għall-kuntrarju ta’ dak li ġie allegat mill-persuna li ressqet l-ilment li kien qiegħed isir abbuż mill-awtorita` tal-Qorti, ir-regolamenti kienu qiegħdin hemm sabiex joħolqu sens ta’ dinjita` u rispett lejn l-istituzzjoni.
Kunsiderazzjonijiet u kummenti tal-Ombudsman
L-Ombudsman beda billi għamel osservazzjoni li l-mandat tiegħu ma kienx jinkludi t-tibdil ta’ liġijiet eżistenti, rwol li jappartjeni lill-Parlament, is-sezzjoni leġislattiva tal-Gvern. Il-funzjoni tiegħu hi li jassigura li att amministrattiv jew in-nuqqas tiegħu ta’ dipartiment jew entita` tal-Gvern ikun konformi mal-liġijiet u regoli eżistenti jew jekk dawn jammontawx għal amministrazzjoni ħażina. L-Ombudsman pero` żied jgħid li kemm il-darba hu jħoss li liġi hi inġusta jew opressiva, hu allura jista’ jagħmel rakkomandazzjoni biex issir bidla fl-istess liġi. Hu tenna li skont l-Att dwar l-Ombudsman hu ma kellux is-setgħa li jistħarreġ azzjonijiet tal-Ġudikatura.
L-Ombudsman innota li l-persuna li ressqet l-ilment kien korrett meta qal li ‘The Court Practice and Procedure and Good Order Rules’ [2] jistipula li:
- id-Direttur Ġenerali (Qrati) għandu, minn żmien għal żmien, jinforma lill-pubbliku in ġenerali dwar x’inhu t-tip ta’ lbies meqjus inaċċettabbli fil-konfini tal-Qrati tal-Ġustizzja; u
- minħabba dak li hemm stipulat fil-Proviso ta’ Regolament 27 (1), kull Uffiċjal Eżekuttiv tal-Qorti jista’ jirrifjuta li jdaħħal fil-konfini tal-Qrati tal-Ġustizzja jew fi kwalunkwe kamra tal-Qorti, kull persuna li, fl-opinjoni tiegħu, ma tkunx liebsa addattata.
Minkejja dan, hu ġibed l-attenzjoni tal-persuna li ressqet l-ilment għall-fatt li dawn ir-regoli jitfasslu minn Bord imwaqqaf apposta biex ifassal ir-regoli (Rule Making Board), li skont il-liġi hu kompost minn membri tal-Ġudikatura, l-Avukat Ġenerali, il-President tal-Kamra tal-Avukati u l-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali. Il-Bord hu fdat bit-tfassil ta’ leġislazzjonijiet sussidjarji maħsuba biex jirregolaw materji li jaffettwaw b’mod dirett it-tmexxija tal-proċedimenti tal-Qorti li l-leġislatur jikkunsidra li għandhom ikunu direttament regolati mill-membri tal-ġudikatura u professjonisti legali. Din l-intenzjoni tal-leġislatur tidher ċara f’Artiklu 988 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċeduri Ċivili li jistipula li mħallfin u maġistrati għandhom is-setgħa li jinfurzaw l-ordni fis-seduta li huma jkunu qed jippressjedu u li jżommu l-ordni u d-dekor fil-konfini tal-Qorti li fiha jattendu.
L-Ombudsman emfasizza li skont it-termini tar-Regolament 27 (1), meta jkun hemm każ fejn l-Uffiċjal Eżekuttiv tal-Qorti jkun tal-opinjoni li persuna li tkun ġiet imħarrka biex tidher quddiem il-Qorti ma tkunx liebsa addattata, l-uffiċjal in kwistjoni hu obbligat li jinforma lill-imħallef, maġistrat jew membru tat-tribunal li quddiemu kellha tidher u li jieħu mingħandu l-istruzzjonijiet ta’ kif għandu jipproċedi. Dan għaliex il-multi li jirrigwardaw disprezz tal-Qorti jinħarġu bħala konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Imħallef, Maġistrat jew membru tat-Tribunal li jkun qed jippressjedi dik is-seduta, li l-persuna mhix liebsa addattat u allura hi ħatja ta’ disprezz tal-Qorti. Deċiżjoni li hi meħuda skont is-setgħat mogħtija lill-Membri tal-Ġudikatura bil-liġi u li allura ma tistax tkun mistħarrġa mill-Ombudsman.
L-Ombudsman iżda ikkunsidra li skont it-termini ta’ Regolament 27 (2) id-Direttur Ġenerali kien fid-dover li minn żmien għal żmien jinforma lill-pubbliku in ġenerali dwar x’tip ta’ lbies kien meqjus inaċċettabbli fil-konfini tal-Qrati tal-Ġustizzja, u b’mod verbali ġibidlu l-attenzjoni dwar dan. Wara diskussjonijiet li saru mad-Direttur Ġenerali, l-Ombudsman ġie infurmat li kien inbeda proċess sabiex jiġu ppubblikati linji gwida dwar dan mid-Dipartiment.
Konklużjoni
L-Ombudsman sab li dak li tenna l-persuna li ressaq l-ilment, li d-Direttur Ġenerali (Qrati tal-Ġustizzja) kien mitlub li joħroġ avviżi b’rabta ma x’inhu meqjus bħala lbies mhux addattat fil-konfini tal-Qorti, kien ġustifikat. Ġie iżda indikat li mid-dokumenti mibgħuta lill-Uffiċċju joħroġ ċar li l-amministrazzjoni tal-Qorti wieġbet id-domandi tal-persuna li ressqet l-ilment fil-pront u ggwidatu kif kien meħtieġ. Minn naħa l-oħra, li kieku l-persuna li ressqet l-ilment kien aktar speċifiku fid-domandi tiegħu u indika li hu kien imħarrek biex jidher quddiem Assistent Ġudikant, allura kieku kien ikun infurmat li l-ilbies aċċettabbli ma kienx daqshekk riġidu u li f’tali sitwazzjoni ma kienetx teżisti l-ħtieġa li tintlibes ingravata jew ġakketta.
L-Ombudsman ikkonkluda li l-prassi kurrenti li membri tal-pubbliku rġiel jintalbu jilbsu ġakketta u ingravata hi waħda raġonevoli u li allura ma tistax titqies bħala abbuż tal-awtorita` mill-Qrati. Hi talba sempliċi li żżomm relazzjoni raġonevoli fl-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja f’dik il-Qorti. Id-determinazzjoni ta’ x’ilbies hu aċċettabbli u le hi meqjusa bħala mezz ta’ kif ikun assigurat decorum korrett u dixxiplina fil-Qorti u m’għandhiex tiġi kkwalifikata bħala abbuż tal-“authoritative jurisdiction” tal-Qrati sakemm din ma tkunx manifestament irraġonevoli jew arbitrarja. Din il-materja taqa’ fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u wieħed għandu jimxi konformament mal-liġijiet eżistenti u prevalenti.
L-eżitu tal-każ
Xi xhur wara d-Direttur Ġenerali (Qrati tal-Ġustizzja) implimenta r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman u ippublika avviżi li jinfurmaw lill-pubbliku li membri tal-pubbliku jistgħu jkunu projbita milli jidħlu fil-konfini tal-Qorti jew kwalunkwe awla oħra kemm il-darba ma jkunux liebsa addattat. Dawn l-avviżi kienu jinkludu lista konċiża ta’ liema lbies kien meqjus inaċċettabbli.
[1] SL 12.09 magħrufa wkoll bħala r-Regoli tal-Qorti – Avviż Legali 279 tal-2008 kif emendati b’AL 333 tal-2008.
[2] Regola 27